Filmat | 'Għax persuna ma tissejjaħx għal interrogazzjoni ma jfissirx li mhux qed tkun investigata'

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa insista li l-Pulizija mhux se tiddejjaq tinvestiga persuni fil-poter

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa saħaq li jekk ikun hemm bżonn, il-Pulizija mhux se tiddejjaq tinvestiga persuni fil-poter.

Waqt li kien qed jiġi intervistat fuq Xtra Sajd, Gafa insista li għax persuna ma tkunx talbet tmur għal interrogazzjoni ma jfissirx li ma tkunx taħt investigazzjoni.

“Irridu nibagħtu għas-suspettati meta jkollna bażi soda fuq dak li se ninterrogawhom dwaru,” insista l-Kummissarju.

Kompla jispjega kif trid issir differenza bejn l-intelliġenza, jiġifieri dak li l-Korp ikun jaf u l-evidenza li tkun tista’ titressaq quddiem il-Qorti bħala prova.

“Jiena qatt ma bqajt lura milli ninvestiga lil xi ħadd, anke meta kont iżgħar u kont għadni spettur. Mhux se nżomm lura,” insista.

Il-Kummissarju saħaq li ma jeżistix reat mingħajr vittma.

“Hemm każi, speċjalment fejn tkun involuta l-korruzzjoni, fejn ħafna jaħsbu li dawn huma reati li ma jħallux vittmi, imma f’dawn il-każi l-vittma hija s-soċjetà,” kompla jisħaq.

Huwa tkellem fuq ix-xogħol li qed issir internament fil-Korp tal-Pulizja bil-għan li dan ikun jista’ jindirizza u jaħdem fuq diversi tipi ta’ reati.

Insista li t-taqsima għar-reati ekonomiċi hija “l-prijorità ewlenija” bħalissa.

Spjega kif din l-istess taqsima ġiet imsaħħa b’ħames uffiċjali ġodda u tagħmir u mxiet lejn post ieħor li huwa aktar adegwat.

“Meta kont naħdem hemm kienet l-iżgħar taqsima. Issa hija l-akbar u din turi l-prijorità tal-korp,” insista Gafa.

Fakkar ukoll fit-taqsima l-ġdida li se tkun qed taħdem fuq każi ta’ vjolenza domestika.

Angelo Gafa insista li l-vittmi tal-vjolenza domestika huma differenti minn vittmi oħra u għalhekk jeħtieġ li l-Pulizija jkunu mħarrġa biex jgħinuhom.

Mistoqsi dwar indħil minn politiċi, Gafa insista li hu jikkonsulta biss mal-Ministru fuq materji legali.

“Hemm distinzjoni ċara bejn l-operat tal-Korp u l-investigazzjonijiet. Hemm la l-Ministru u la ħadd mill-Gvern ma jista’ jinterferixxi fl-investigazzjoni,” temm jisħaq Gafa.

More in Politika