'Il-ħatra tal-Bord tal-PBS saret biss biex il-Gvern iżomm l-istazzjon taħt kontroll ' - PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-vera riforma issir meta l-Gvern jitlaq mill-kontroll li għandu fuq il-PBS

Il-Partit Nazzjonalista, f'reazzjoni għall-ħatra tal-Bord il-ġdid tal-PBS immexxi mill-Professur Carmen Sammut, qal li aktar milli riforma tas-sistema, "il-bdil ta’ persuni fuq il-bord tal-PBS ma jservi l-ebda skop għajr li jkompli jiżgura li l-PBS jibqa’ taħt il-kontroll tal-Gvern Laburista. Diġà rajna kif taħt l-iskuża ta’ ċirkulari maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir, il-Gvern abbuża mill-PBS billi uża ħin ewlieni għal skopijiet politiċi partiġġjani tiegħu stess u bil-benefiċċju miżjud li ma jkollux għalfejn ixandar mistoqsijiet imressqa mill-ġurnalisti. Il-ħatra ta’ membri ġodda fil-Bord tad-Diretturi tal-PBS mhix mistennija li ġġib xi tibdil f'dan ir-rigward," tgħid l-istqarrija tal-PN. 

Il-PN qal illi l-maġġoranza tal-Bord għandu konnessjonijiet mal-Partrit Laburista, xi ħaġa li jgħid illi tfisser li "l-Gvern Laburista mhux interessat biex jirriforma l-PBS iżda biss li Robert Abela għażel in-nies hu biex iżomm il-ħakma tiegħu fuq il-PBS."

Il-Partit Nazzjonalista sostna illi biex tassew il-PBS ikun tal-poplu hemm bżonn li jkun illimitat il-kontroll tal-Gvern fuq ix-xandir pubbliku, ikun żgurat li l-aħabarijiet ikunu ġusti, preċiżi u imparzjali kif ukoll liu l-PBS jissodisfa l-obbligu ta' servizz pubbliku dwar affarijiet kurrenti u affarijiet ta' kontroversja politika kif ukoll programmi għall-iżvilupp kulturali, soċjali u edukattiv tas-soċjetà.

 

More in Politika