'Hawn wisq konfużjoni. Kull stat membru qed jaħdem għal rasu' - Sassoli

Il-President tal-Parlament Ewropew appella biex l-istati membri jaħdmu aktar id f'id mal-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm aktar koordinazzjoni fil-ħidma kontra l-imxija tal-Covid-19.

“Hawn wisq konfużjoni. Kull stat membru qed jaħdem għal rasu.” Hekk saħaq il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli fejn appella aktar koordinazzjoni bejn il-pajjiżi kollha membri fil-ġlieda kontra l-pandemija.

Sassoli saħaq li ċ-ċittadini u anke n-negozji qed jistennew rispons komuni u regoli ċari dwar kif wieħed għandu jaġġixxi, kif ukoll aktar trasparenza fuq kif jintagħżlu dawk iż-żoni meqjusa ta’ riskju.

“Is-sitwazzjoni hija serja,” saħaq Sassoli waqt li appella għal aktar koordinazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea biex ma tinħoloqx konfużjoni bejn pajjiżi differenti.

Għalhekk, l-appell ta’ Sassoli huwa biex il-pajjiżi membri kollha, li huma responsabbli mill-politika tas-saħħa, jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex ikollha rwol attiv fil-koordinazzjoni ta’ regoli komuni għall-Istati Membri.

“Sorpriż li dan għadu ma seħħx. Għadna fil-qalba ta’ emerġenza u regoli ċari li jgħoddu għal kulħadd biss jistgħu jfissru rispons effettiv kontra l-imxija tal-COVID-19,” temm jgħid Sassoli.

More in Politika