'M'għandix x'naħbi u allura se nippubblika r-rapport tad-due diligence kollu meta jasal għandi'

Il-Kummissjoni Kandidati ma kinitx aċċertat li se tippubblika  dan ir-rapport

Bernard Grech
Bernard Grech

F'intervent fuq NET FM  - ir-radju tal-Partit Nazzjonalista - Bernard Grech wiegħed illi hekk kif jitlesta l-proċess tad-due diligence, li fakkar li tant mhux lest li għada hu u Delia għandhom laqgħa bħala parti mill-proċess, hu se jippubblika r-rapport kollu kemm hu.  "Għax jiena ma għandix x'naħbi, kollox in order, malli jkolli r-rapport jiena se nippubblikah kollu."

Il-Kummissjoni Kandidati tal-PN, il-ġimgħa l-oħra ħabbret illi r-rapport tad-due diligence mhux se jkun ippubblikat kollu imma "jista' jkun" li jiġu ppubblikati biċċiet minnu u jgħaddu għall-ġudizzju tat-tesserati. 

 Illum fi stqarrija l-Kummissjoni spjegat li, skont l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, hi marbuta tiddeċiedi fuq żewġ punti: li l-persuna tkun b’karattru personali integru u onest, bl-unika motivazzjoni tkun għas-servizz tal-poplu għall-ġid komuni u kompetenti; kif ukoll li jkun sodisfatt l-eżerċizzju dwar id-diliġenza approvata.

Dwar l-ewwel punt, il-Kummissjoni spjegat li diġà ltaqgħet separatament maż-żewġ persuni li esprimew interess – Adrian Delia u Bernard Grech – li sarulhom numru ta’ mistoqsijiet li l-membri ħassew li kienu rilevanti. Dan l-istadju issa hu magħluq.

Dwar it-tieni punt, il-Kummissjoni nkarigat tliet esperti – Clyde La Rosa, Mario P. Galea u Antonio Ghirlando – li għadhom għaddejjin b’ħidmiethom. Kien spjegat li fl-aħħar jiem, dawn talbu aktar informazzjoni minghand Delia u Grech, bir-rapport tagħhom s’issa għadu mhux lest.

 

More in Politika