Għajnuna ta' €6,000 biex persuni bl-awtiżmu biex ikollhom sensory room f’darhom

Il-Ministru Roderick Galdes spjega li din l-iskema, li se titħaddem mill-Awtorità tad-Djar, hija mera tal-politika li qed titħaddem fis-settur tal-housing f’Malta

Roderick Galdes u ħdejh Lydia Abela
Roderick Galdes u ħdejh Lydia Abela

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, ħabbru l-iskema Sens-Ability li għall-ewwel darba se tkun qegħda tagħti għajnuna finanzjarja li tlaħħaq is-€6,000 biex ġenituri ta’ tfal  u adulti bl-awtiżmu jew li għandhom diffikultajiet biex jipproċessaw l-informazzjoni sensorjali jkunu jistgħu jagħmlu sensory room f’darhom. 

Il-Ministru Roderick Galdes spjega li din l-iskema, li se titħaddem mill-Awtorità tad-Djar, hija mera tal-politika li qed titħaddem fis-settur tal-housing f’Malta, politika li tiftaħ il-bibien tagħha biex titfassal politika li tagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja tal-familji tagħna.  

“Din l-iskema ma kinitx miżura tal-budget, ma kinitx miżura tal-manifest elettorali iżda hija skema maħsuba u mfassla mill-kuntatt man-nies. Kelli l-privileġġ bħala Ministru li nitkellem ma’ persuni u ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu, u fhimt li l-bżonnijiet ta’ kull persuna f’dan l-ispettru huma differenti. Kien għalhekk li fassalna l-iskema Sens-Ability, għaliex permezz tagħha dawn il-persuni jistà jkollhom sensory room f’darhom armata skond il-bżonnijiet individwali tagħhom.”

Huwa żied jgħid li l-għan ta’ din l-iskema huwa li permezz tagħha dawn il-persuni se jkunu aktar abbli biex jaffaċċjaw il-ġurnata u għalhekk ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom. 

“Din l-iskema ridt li tkun ċelebrazzjoni tal-abbiltà tal-benefiċċjarji tagħha. Persuni li niltaqa’ magħhom kuljum fix-xogħol tiegħi, persuni li nemmen fihom u li se nibqa’ kommess li d-dar tagħhom u l-ambjent ta’ madwarhom joffrilhom dak li għandhom bżonn biex ikomplu jimxu ‘l quddiem.” 

Min-naħa tagħha mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela stqarret li l-politiku għandu dejjem  jisma’, jifhem u jħoss l-esperjenzi diretti li l-familji jkunu għaddejjin minnhom fil-ħajja ta' kuljum u propju l- iskema mħabbra hija riżultat ta’ dan għax il-pjan inħadem flimkien. “Din l-iskema tagħtik sodisfazzjon għax taf li ser jibbenefikaw nies li vera għandhom bżonn”, tenniet Dr Abela.

Mart il-Prim Ministru sostniet li permezz tal-iskema li qed tiġi mnedija llum mill-Awtorità tad-Djar, bl-isem ta’ Sens-Ability, se nkunu mhux biss qed ngħinu lil numru ta’ individwi u familji, iżda fuq kollox qed nibgħatu sinjal ċar u b’saħħtu li m’aħna ninsew lil ħadd.

“Żgur mhux forsi li dawk kollha li jgħixu r-realtà tal-awtiżmu mhumiex il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi, iżda minkejja dan, xorta waħda qed naraw mizuri li jindirizzaw lill-iżgħar faxex tas-soċjetà tagħna, bħal dawn il-persuni, sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jissoktaw fil-ħajja tagħhom, kemm jista’ jkun daqs kull persuna oħra”, qalet Dr Abela

Fl-aħħarnett Lydia Abela sostniet li permezz ta’ din l-iskema, se mmorru għand dawn l-individwi u familji li għandhom bżonn ta’ sostenn b’mod dirett u fi djarhom, persuni li forsi jaraw id-dinja qed taqa’ fuqhom bil-piżijiet li għandhom fuqhom, familji li forsi ma jsabbutux saqajhom daqs kemm jagħmlu sezzjonijiet oħra tas-soċjetà tagħna, iżda li jsofru fis-skiet.

Din l-iskema ġiet imfassla flimkien mal-Autism Parents Association, assoċjazzjoni ta’ ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu.  Skema li fi kliem il-Public Relations Officer tal-Assoċjazzjoni u omm ta’ tliet itfal bl-awtiżmu, Valerie Brincat, ilha mistennija għal snin twal. 

“Fuq bażi ta’ riċerka, 90% tal-individwi bl-awtiżmu għandhom diffikultajiet biex jipproċessaw l-informazzjoni sensorjali mit-tmien sensi u r-rispons tal-bniedem għal dawn l-isfidi jistgħu jkunu atipiċi. Dan kollu jħalli impatt fuq il-parteċipazzjoni tal-individwu fl-attivitajiet ta’ kuljum u milli jikkontribwixxi b’mod komdu fis-soċjetà. Għalhekk, f’isem il-familji milquta mill-awtiżmu nirringrazzja lill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali għaliex permezz ta’ din l-iskema se jkollna ambjent addattat li jippermettilna mhux biss biex nimplimentaw pjanijiet ta’ terapija fid-dar u nipprovdu spazju ta’ skiet għal uliedna biex jikkalmaw, iżda saħansitra ambjent li jgħin lilna niffunzjonaw aħjar bħala familja.”

More in Politika