Il-Pulizija tikkonferma li kull min jiġi interrogat fuq allegazzjonijiet li jkunu saru fuqu jiġi mwissi

Tikkonferma wkoll li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma jinsabx taħt investigazzjoni

Il-Korp tal-Pulizija kkonferma mas-sit illum.com.mt li kull persuna li tiġi interrogata fuq allegazzjonijiet li jkunu saru fuqha, din tingħata twissija.

Ilbieraħ, fil-Qorti, l-Ispettur Keith Zahra saħaq li meta ġie interrogat, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien imwissi, jiġifieri kien infurmat li dak kollu li se jgħid jista' jintuża kontrih.

B'reazzjoni, l-eks Prim Ministru saħaq din hija prassi komuni tal-Pulizija u s-sit illum.com.mt ikkonferma dan mal-Korp.

Il-Pulizija kkonfermat ukoll ma' dan is-sit li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma jinsabx taħt investigazzjoni.

Muscat kien interrogat dwar dak li qal mal-Pulizija Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Yorgen Fenech qed jallega li l-eks Prim Ministru kien jaf dwar ir-recordings tal-intermedjarju Melvin Theuma u li kien staqsih dwarhom darbtejn, darba waqt ir-riċeviment tal-Girgenti u darb'oħra waqt laqgħa f'Kastilja.

Ilbieraħ ġie kkonfermat fil-Qorti wkoll li teżisti chat bejn l-istess Fenech, Muscat u Keith Schembri, bl-allegat mandant tal-qtil tal-ġurnalista jisħaq li t-tlieta li huma kienu qishom “aħwa.”

More in Politika