Aġġornata | Il-qraba tal-aħħar vittma tal-COVID-19 qed jisħqu li l-anzjan ħa l-virus minn Mater Dei; Il-Ministeru jiċħad

Il-Ministeru qed jinsisti li ħadd mill-kumplament tal-pazjenti u l-istaff fl-istess sala ma rriżulta pożittiv għall-Covid-19

Il-qraba tal-anzjan li nhar il-Ħadd li għadda miet bil-COVID-19, ippubblikaw stqarrija li fiha qed jisħqu li l-qarib tagħhom ħa l-virus meta kien l-isptar u mhux qabel.

Meta ħabbru l-mewt tal-anzjan ta’ 85 sena, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li r-raġel iddaħħal l-isptar fit-23 ta’ Awwissu u rriżulta pożittiv dakinhar waqt it-testijiet li jsiru fuq il-pazjenti qabel jiddaħħlu fis-swali.

Madanakollu, il-qraba qed jisħqu li din l-informazzjoni mhijiex korretta. Fi kliemhom, l-anzjan iddaħħal l-isptar fis-16 ta’ Awwissu u mhux fit-23 ta’ Awwissu u dakinhar ma kienx irriżulta pożittiv għall-virus.

Skont l-qraba, l-anzjan baqa’ l-isptar meta reġa’ sarlu test u rriżulta pożittiv fl-24 ta’ Awwissu.

Għalhekk, il-qraba qed jisħqu li l-anzjan ħa l-virus mill-isptar u mhux qabel iddaħħal.

'Ħadd mill-pazjenti fis-sala ma kellu l-COVID'

Intant, fi starrija, il-Ministeru ċaħad dak li qalet il-familja u insista li meta l-anzjan irriżulta pożittiv għall-virus kien sar il-contact tracing neċessarju u ħadd mill-kumplament tal-pazjenti u l-istaff ma rriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Il-Ministeru kkonferma li meta l-anzjan iddaħħal l-isptar ma kienx irriżulta pożittiv, iżda l-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-agħar fit-23 ta’ Awwissu fejn sar test ieħor li kkonferma li għandu l-Covid-19. 

L-anzjan ġie trasferit fl-IDU fl-24 ta’ Awwissu, fejn miet il-Ħadd.

More in Politika