Testijiet mandatorji fuq kull min jidħol Malta u estensjoni tal-vouchers - It-tobba jappellaw

Il-MAM qed tisħaq li l-aħħar miżuri ma kinux biżżejjed biex tonqos ir-rata tat-trasmissjoni tal-virus

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tappella lill-Gvern biex jordna lil kull persuna li tidħol Malta, kemm jekk mill-ajruport jew inkella mill-baħar, biex ikollha f’idha test negattiv tal-COVID-19 li jkun sar fis-72 siegħa ta’ qabel.

Fi stqarrija l-MAM saħqet li kull min jasal Malta mingħajr test għandu jinżamm fi kwarantina sakemm isirlu t-test u jkun magħruf ir-riżultat u li dan għandu jħallas għalih it-turist stess.

Apparti minn hekk, it-tobba qed jappellaw ukoll lill-Gvern biex jestenti d-data tal-iskadenza tal-vouchers sal-aħħar ta’ Diċembru għax fi kliemhom, filwaqt li bdew bħala mbuttatura lill-ekonomija, issa qed jgħinu fit-tixrid tal-virus, għax ħafna qed joħorġu f’salt biex ifittxu jużawhom.

L-Assoċjazzjoni qed tinsisti kif dawn huma żewġ miżuri li jistgħu jgħinu biex il-każi ġodda ta’ COVID-19 jonqsu, hekk kif l-aħħar miżuri restrittivi, filwaqt li għenu biex il-każi ma jibqgħux jiżdiedu, ma waslux għal tnaqqis.

It-tobba spjegaw kif il-medja tal-każi fuq 14-il ġurnata għadha t-tieni l-ogħla fl-Unjoni Ewropea u għalissa kien is-settur tat-turiżmu l-aktar li bata f’Malta.

Propju għalhekk li l-MAM qed tappella biex Malta tintroduċi ttestjar mandatorju għal kull min jidħol Malta biex it-turist jerġa’ jikseb il-kunfidenza f’Malta u Malta tkun tista’ tippromwovi lilha nnifisha bħala “safe island” għat-turist.

“Il-miżuri għandhom jittieħdu biex il-każi jonqsu għal inqas minn 10 kuljum,” saħqet il-MAM. 

Anke jekk irrikonoxxiet li s-sistema tas-saħħa qed tlaħħaq, insistiet li l-virus issa qed jiżdied qalb il-vulnerabbli.

Il-MAM appellat ukoll biex kwalunkwe negozju li jingħalaq kawża tal-miżuri, għandu jingħata kumpens mill-Gvern.

More in Politika