Delia jisħaq li Deputati bħal Jason Azzopardi ma għandhomx post fi grupp immexxi minnu

Bernard Grech itenni li jekk ikun elett Kap tal-PN lest ipoġġi ma' Delia biex jara f'liema rwol jista' jkompli jservi lill-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li jekk jerġa’ jkun ikkonfermat bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, se jkun qed jimbotta ‘l quddiem uċuh ġodda waqt li insista li mhux se jkun hemm post fi grupp immexxi minnu għal min ma jridx jaħdem miegħu.

Delia kien qed jiġi intervistat fuq il-programm Rasimbras fuq TVM meta insista li mhux se jkun hemm post fil-grupp tiegħu għal persuni bħal Jason Azzopardi.

Fi kliem Delia, Azzopardi qabeż il-linja u insista li bi kliemu xerred il-gideb u l-malafama kontrih.

“Ma għandux post fi Grupp Parlamentari mmexxi minni,” saħaq Delia.

Dwar persuni oħra, li mexxew ir-ribelljoni kontrih, bħal Chris Said, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia, Delia saħaq li l-pożizzjoni tagħhom “ma għadhiex tenibbli.”

Insista li hu jrid l-għaqda u ta kollox għall-Partit Nazzjonalista u għalhekk insista li minn issa ‘l quddiem, filwaqt li mhux se jpoġġi lil kulħadd f’keffa waħda, saħaq li kulħadd irid jagħti kont ta’ għemilu skont dak li kull persuna għamlet.

Fost l-uċuh ġodda li Delia lest jimbotta ‘l quddiem hemm ukoll ir-rivali tiegġħu fit-tellieqa għall-Kap tal-PN, Bernard Grech.

Delia insista li kien hu li mbotta ‘l quddiem lil Grech, li inkludih fil-clusters, li xtaqu joħroġ għal MEP u li ħeġġu jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dwar l-elezzjoni ġenerali, Delia insista li qed jistenna li din tiġi “ħafna qabel” sentejn oħra.

Saħaq li l-aħħar sondaġġi qed juru kif il-Partit Laburista qed jitlef il-voti.

Insista li l-aġir tal-Prim Ministru fi żmien il-pandemija mhux qed jgħin lill-Partit Laburista waqt li ddeskriva l-Gvern bħala wieħed li mhux kapaċi jmexxi fil-maltemp.

“Il-poplu se jinduna u se jara Partit Nazzjonalista li jemmen fin-nies, fl-investiment u fil-libertà,” insista Delia.

'L-għażla hija waħda ċara' - Bernard Grech

Intant, qabel Delia, Rasimbras tkellem ukoll ma’ Bernard Grech li insista li d-deċiżjoni li t-tesserati għandhom f’idhom hija waħda ċara, jiġifieri bejn Partit li jibqa’ fejn hu jew sejjer lura jew Partit Nazzjonalista li jikber.

Grech tenna li jekk ikun elett Kap, lest ipoġġi bilqiegħda ma’ Adrian Delia biex flimkien jaraw f’liema rwol jista’ jkompli l-ħidma tiegħu fil-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt, meta mistoqsi dwar il-programm tiegħu, waqt li insista li dan għadu qed jitħejja, Grech saħaq li l-prijorità tiegħu se tkun l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista. 

Tkellem dwar il-futur tal-PN u insista li hu jrid jagħti spazju u joħloq bilanċ bejn uċuh ġodda li se joffri lill-Partit Nazzjonalista enerġija żagħżugħa u l-esperjenza ta’ dawk li ilhom jimmiltaw fil-Partit Nazzjonalista.

Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u x’jagħmel hu jekk ikun Prim Ministru Bernard Grech enfasizza dwar il-fatt li Malta hija parti mill-Unjoni Ewropea u mhijiex waħedha.

“Iżda l-ewwel irridu nsewwu l-ħsara li saret lir-reputazzjoni minħabba l-aġir tal-Gvern Laburista biex imbagħad nibdew nittieħdu bis-serjetà mill-istati membri l-oħra,” insista Grech.

More in Politika