Analiżi | Jirbaħ min jirbaħ sfidi se jsib ma' wiċċu! X'inhuma dawn l-isfidi?

L-elezzjoni għal Kap ġdid mhijiex it-tmiem tal-problemi fil-PN imma tista' tkun il-bidu ta' oħrajn ġodda.  L-akbar sfida u l-aktar li għandu bżonn jegħleb min jirbaħ hija l-għaqda.  Imma kif jista' jsir dan?  L-ILLUM tanalizza l-isfidi quddiem Adrian Delia u dawk quddiem Bernard Grech

Delia Vs Grech u l-isfidi li se jkollhom jiffaċċjaw
Delia Vs Grech u l-isfidi li se jkollhom jiffaċċjaw

Jirbaħ min jirbaħ dakinhar li ssir l-elezzjoni fil-Partit Nazzjonalista dik il-persuna li tkun iddikjarata rebbieħa se jkollha quddiemha triq twila, dik li nhar il-Ħadd li għadda l-eks Editur ta' The Times of Malta Steve Mallia iddeskriva bħala: "It-triq tal-kompromess li fiha nases daqs kemm fiha intenzjonijiet tajbin."

Fil-fatt kemm Adrian Delia kif ukoll Bernard Grech għandhom lista mhux ċkejkna ta' sfidi li jridu jissuperaw jekk iridu jibdew iċekknu dak id-distakk li ilu ma jkun inqas minn 30,000 vot kontra l-PN 11-il sena. 

Il-mistoqsija hija min minn dawn iż-żewġ irġiel jista' verament jegħleb il-maġġoranza tal-isfidi li se jsib quddiem wiċċu l-għada li jiċċelebra r-rebħa. 

Adrian  Delia: Rikonċiljazzjoni jew tpattija?

 L-ewwel u l-akbar sfida ta' Delia se tkun jekk hux se jibda proċess serju u diffiċilissimu (u forsi hawn min jgħid impossibli) ta' rikonċiljazzjoni jew inkella hux se jibda it-triq li permezz tagħha jpattiha lil kull min dar kontrih. 

Jekk jirbaħ u jibda t-triq ta' rikonċiljazzjoni m'hemm garanziji ta' xejn.  L-ewwelnett għandu problema serja għaliex jidher ċar u dan minn xejra li ilha għaddejja tliet snin, li hemm sezzjoni ta' votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti li m'għandhomx fiduċja fih u li tbiegħdu mill-PN fl-aħħar snin.  Dan jispjega kif Delia fis-sondaġġi lanqas biss qed jaqbeż l-20% f'termini ta' fiduċja filwaqt li d-distakk kiber għal 20% u ġieli aktar.  

Fl-aħħar sondaġġ f'Lulju per eżempju 13.2% biss qalu li jafdaw lil Delia (57.7% jafdaw lil Robert Abela), 4.6% inqas mix-xahar ta' qabel. 

Jekk huwa vera li hemm aktar messaġġi, jekk hu vera u jista' jkun ippruvat li Delia vera ltaqa' miegħu għall-ikel wara li rriżulta li 17 Black hija ta' Fenech u speċjalment jekk hu vera li għaddew dawk il-flus Delia se jkollu problema serja

Jekk immorru aktar lura għal April insibu li hawnhekk kienu biss 17.3% li qalu illi jafdaw lil Delia (62.7% lil Robert Abela).  Immorru aktar lura għall-agħar tal-kriżi politika li spiċċa fiha l-Gvern Laburista minħabba riżenji u minħabba li Keith Schembri kien implikat fl-assasinju ta' Caruana Galizia u nsibu li anke hawnhekk ( bidu ta' Diċembru)  il-PN kien minn taħt il-PL b'15.5%. 

Jekk immorru għal April tal-2019 - kważi sena u nofs ilu - insibu li anke hemmhekk Delia kien kiseb biss 21.5% f'termini ta' fiduċja, mqabbel mad-49.6% ta' Joseph Muscat.

Ma' dawn trid  tgħodd ukoll l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sena l-oħra li raw lil Delia jitlef b'distakk ta' ftit aktar minn 16%, jew ftit aktar minn 42,000 vot u dawk tal-Kunsilli Lokali. 

Qed nagħmlu sommarju ta' dawn iċ-ċifri għaliex huma neċessarji biex nevalwaw kif fl-aħħar sena u nofs (u fil-fatt anke qabel) kien hemm kontinwazzjoni tax-xejra kontinwa, konsistenti u ppruvata b'elezzjoni nazzjonali ta' abbandun tal-massa mill-PN. 

Iċ-ċans huwa li jekk Delia jirbaħ, apparti r-rikonċiljazzjoni ma' dawk li attivament ostakolawh jeħtieġ isib modi ta' kif se jilħaq rikonċiljazzjoni ma' eluf ta' votanti li kienu jivvutaw lill-PN u li mingħajrhom il-partit jaf jiffaċċja daqqa li ma jqumx minnha fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. 

Jekk mhux rikonċiljazzjoni jista' jkun jagħżel it-tpattija bi tkeċċijiet ta' xi wħud mid-Deputati u uffiċjali tal-partit jew inkella l-iddixxiplinar tagħhom.  Fir-realtà, apparti s-soltu Deputati, kienu b'kollox 839 Kunsillier li vvutaw kontra x-xewqa ta' Delia li l-partit imur għal konferma tiegħu. Se jkeċċi lil dawn  it-839 ukoll? 

Imbagħad naturalment hemm nies bħall-eks PM Lawrence Gonzi li ltaqa' ma' Delia u li kien irrapportat illi qed jagħti pariri lil  Bernard Grech.  X'se jagħmel Delia?  Se jkeċċi lill-aħħar PM li kellu l-Partit Nazzjonalista?  U xi jkun l-effett ta' dan?  Tajjeb u ħażin Gonzi għadu maħbub u rrispettat fost ħafna Nazzjonalisti - li direttament jew le ikun hemm tentattivi biex jiġi skreditat jaf tkun fatali. 
Il-mistoqsija tkun: Wara li jkeċċi, jiskredita u hemm min juża l-verb "inaddaf" x'se jkollu fuq idejh?  Hemm min jgħid li hekk ikollu partit li huwa ħieles mill-"establishment" u dawk kollha li ġejjin minn dinastiji politiċi nazzjonalisti.  Filwaqt li dan jista' jkun minnu, jispiċċa iżda b'partit iżgħar - u fir-realtà ma jaffordjax partit iżgħar milli hu b'distakki li jaqbżu t-42,000.

Jista' jkun li Delia ma jagħmel xejn u jibqa' jzappap sal-elezzjoni 

Din hija sfida enormi li se tirrikjedi bilanċ.

Toħroġ aktar inforazzjoni dannuża dwaru

Hemm realtà oħra. Realtà li hija aktar partikolari għal Delia.  U din hija informazzjoni li tista' toħroġ dwar allegati chats li hu kellu ma' Yorgen Fenech wara li kien magħruf li 17 Black hija ta' dan l-intraprenditur li issa jinsab akkużat bl-assasinju ta' Daphne Caruana Galizia.  Hemm ukoll is-sitwazzjoni ta' flus u dħul tiegħu stess u allegati flus mgħoddija mingħand Yorgen Fenech.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li huwa wkoll l-avukat tal-familja Caruana Galizia diġa' implika dan u sfida lil Delia jieħdu l-Qorti u jekk il-provi forensiċi kollha mill-mobile juru illi kien hemm diskursati u chats bejn it-tnejn, Delia jirriżenja minn Deputat.  Sa issa, din l-isfida għadha ma ntlaqgħetx. 

Ta' min wieħed ifakkar illi dan kollu jrid jittieħed fil-kuntest tal-allegazzjoni indikata minn David Thake, ripetuta minn Melvin Theuma fil-Qorti u ripetuta mill-ġdid f'aktar informazzjoni mix-xhieda ta' Keith Schembri - jiġifieri li Fenech allegatament kien għadda madwar €50,000 lil Delia, fosthom biex David Casa ma jkunx elett. 

Jekk huwa vera li hemm aktar messaġġi, jekk hu vera u jista' jkun ippruvat li Delia vera ltaqa' miegħu għall-ikel wara li rriżulta li 17 Black hija ta' Fenech u  speċjalment jekk hu vera li għaddew dawk il-flus Delia se jkollu problema serja.

L-ewwelnett ikollu problema ta' tenibbilità, anke jekk it-tesserati jkunu diġa' rebħuħ elezzjoni.  It-tenibilità mhijiex intrinsikament u unikament marbuta mad-demokrazija - jiġifieri maġġoranza tista' tagħżel lil persuna A biex imexxi/jiggverna imma persuna A (jew ta' madwarha tista' tagħmel jew twettaq xi ħaġa li minħabba fiha ma tkunx tista' tkompli tmexxi. 

It-tieninett l-isfida tista' timpatta wkoll l-elezzjoni nnifisha. Kif?  Jekk waqt il-ġimgħat li ġejjin Delia jiċħad xi waħda minn dawn l-allegazzjonijiet u jirbaħ u wara li jirbaħ joħorġu fatti l-kuntrarju (per eżempju fix-xhieda ta' Yorgen Fenech), apparti li l-pożizzjoni tiegħu tiġi naturalment mhux tenibbli, tpoġġi wkoll fid-dubju l-mandat li jkun ingħata.  

Dan kollu u ma dħalniex fis-sitwazzjoni personali tal-finanzi ta' Delia, li għalkemm personali jistgħu b'modi differenti jimpattaw l-operat tiegħu bħala Kap ta' partit, Kap tal-Oppożizzjoni u potenzjalment Prim Ministru. 

Huwa kellu €311,463 fi spejjeż fl-2018 u kellu jħallas dan mill-paga tiegħu ta' Kap tal-Oppożizzjoni li tlaħħaq l-€44,782.

Bernard Grech:  Dejà Vu?

Bernard Grech jista' jidher  - prima facie - bħala għażla ħafna aktar sigura, li toffri ħafna inqas problemi u nases u dan għaliex sa issa u sakemm m'hemmx xi ħaġa li m'aħniex naraw, il-gwardarobba ta' Grech hija ħafna iktar nadifa u r-riskju li toħroġ xi storja minn issa sa elezzjoni ġenerali li tpoġġih qrib nies bħal Yorgen Fenech jew inkella li tħammarlu wiċċu u tagħmel il-pożizzjoni tiegħu mhux tenibbli, huwa ħafna inqas minn  Delia.  Dan apparti li jidher - għalkemm dan għad irid ikun ikkonfemat mid-due diligence li qed isir bħalissa - illi m'għandux problemi finanzjarji li jistgħu jimpattaw jew jinfluwenzaw deċiżjonijiet li jieħu bħala Kap ta' partit, Kap tal-Oppożizzjoni u Prim Ministru potenzjali. 

L-ikbar sfida tiegħu iżda se tkun li huwa ġdid.  Daqs kemm hi tajba hija ħażina għalih. 

Mhux diġa' għażilna wieħed ġdid!

L-argument ta' bosta jista' jkun illi l-partit diġa' għażel wieħed ġdid u dan ma tax riżultati, allura f'dan il-punt ikun aħjar li l-partit imur fuq min għallinqas rabba ftit għeruq fil-partit u m'għandux għalfejn jerġa' jibda mill-ġdid. 

L-akbar għadu huwa ż-żmien.  Ikun hemm min jibża u hija biża' leġittima, li minkejja li Grech jaf ikun soluzzjoni tajba għall-PN hu mhux se jkollu ċans isib saqajh fil-partit, aħseb u ara kemm se jirnexxielu jgħaqqdu sakemm tissejjaħ elezzjoni li jaf tkun ximkien bejn wara l-elezzjoni fil-PN u ximkien fil-bidu tal-2022. 

Ikun hemm min jistaqsi jekk dan hux mument propizju biex il-partit jibda mill-ġdid.

Ikun hemm min jirraġuna illi Grech beda bl-istess ħeġġa u potenzjal u allura ma hemm xejn li jista' jaċċerta illi dak li ġara lil Delia ma jiġrix ukoll lil Grech u l-PN jispiċċa f'qagħda agħar milli hu.  Din l-interpretazzjoni hija korretta u mhix fl-istess ħin. 

Il-Kap kurrenti Nazzjonalista beda fuq sieq ħażina meta bdew ħerġin ħafna dettalji dwaru primarjament: il-qagħda finanzjarja tiegħu li diġa' kienet ħażina u l-agħar - l-akkuża li għaddew flus minn kont f'ismu f'Jersey li kienu allegatament ġejjin minn ċirku ta' prostituzzjoni f'Soho Londra minn aħwa Maltin.  Adrian Delia kien qal li dan kien client-account.  Dan apparti stejjer, allegazzjonijiet u akkużi dwar il-persuni li dak iż-żmien kienu qed jappoġġjawh mill-qrib. 

Naturalment illum Bernard jista' jkun li mhux se jkollu dawn il-problemi u mhux se jkollu allegazzjonijiet tqal fuq rasu u  - l-akbar differenza - m'hemmx Daphne Caruana Galizia.  Il-ġurnalista assasinata kienet influwenti immens fuq l-elettorat kollu imma speċjalment Nazzjonalista, f'żewġ estremi.  Min kien jeħodha bħala vanġelu u allura għadu sal-lum ma jaċċettax lil Delia, speċjalment ukoll wara diskors kważi isteriku li kien għamel ftit qabel l-elezzjoni għall-Kap tal-PN fl-2017 fejn indirizzaha bħala 'biċċa blogger'.  Dan l-elettorat iktar aljena ruħu mill-partit meta Delia prova jkeċċi lil Simon Busuttil mill-Grupp Parlamentari.  Imbagħad hemm min kien jobgħodha u jaraha bħala persuna li għandha wisq effett fuq il-PN , allura jappoġġjaw lill-persuna li tattakka jew tikkritka hi.  

Differenza oħra hija li Bernard Grech huwa ġdid, pero mhux kompletament stranġier għax-xenarju politiku kif kien Delia (meta ħarġet l-istorja li Delia se jkun kandidat fuq The Sunday Times - ħafna nies li mhux midħla tal-futbol u Birkirkara ma kellhom ebda idea min huwa). Grech deher ħafna drabi fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, indirizza mass meeting tal-partit fl-2017 f'Ħal Balzan u anke tkellem f'attività ta' Repubblika.  Fil-verità ilu jissemma' bħala kandidat potenzjali għall-kariga ta' Kap tal-PN.  

Grech jeħtieġ jara kif se jiġġieled is-sentiment ta' dejà vu, li mhux se tgħin fil-prospetti tiegħu. 

Jekk l-għaqda hija l-akbar sfida għal Delia, hija l-akbar sfida għal Grech ukoll. Jekk jirbaħ hu hemm sezzjoni ta' votanti - li issa naraw kemm hi kbira eżatt nhar l-elezzjoni - li jekk jirbaħ Bernard Grech mhux se jkunu daqstant kuntenti

Kandidat tal-għaqda ... u Adrian Delia?

Jekk l-għaqda hija l-akbar sfida għal Delia, hija l-akbar sfida għal Grech ukoll.  Jekk jirbaħ hu hemm sezzjoni ta' votanti  - li issa naraw kemm hi kbira eżatt nhar l-elezzjoni - li jekk jirbaħ Bernard Grech mhux se jkunu daqstant kuntenti u li forsi għalihom Delia jibqa' l-Kap bi dritt sal-elezzjoni li ġejja. 

X'jagħmel Delia li wera' lilu nnifsu bħala politiku determinat u li jikkumbatti l-mewġ kontinwu intern u li ma jaqtax qalbu malajr sal-punt li jista' jiġi ttimbrat bħala 'rasu iebsa', se tkun kruċjali għal Grech.  Jekk Delia jwebbes rasu xorta u jiddeċiedi li jagħmel il-bsaten fir-roti u ma jikkoperax ma' Grech - bl-argument li lilu għamlulu l-istess - l-għaqda se tkun diffiċli ħafna biex tintlaħaq. 

U x'se jagħmel Grech bil-kap kurrenti?  

Huwa diġa' indika li Adrian Delia għandu postu fil-PN bih bħala Kap għalkemm ma speċifikax x'inhi din il-pożizzjoni jew dan l-irwol li jixtieq lil Delia jkollu. 

Jekk Bernard Grech jarmi lil Delia kemm fil-kampanja u anke wara, jekk jirbaħ, il-proċess tal-għaqda jittawwal sal-punt illi l-elezzjoni ġenerali xorta tkun diżastru assolut għall-PN u l-ħruq tal-karriera politika ta' Grech innifsu jekk ikun Kap.                                                                  

More in Politika