Aġġornata | Battibekki bejn Delia u Grech dwar spazju fuq il-midja tal-partit

Adrian Delia jisħaq li għandu jkun hemm spazju wkoll lil Bernard Grech u Grech jirringrazzja lill-Kummissjoni Elettorali tal-PN li kkonvinċiet lil Delia illi hu għandu jingħata spazju

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jidher li ħa nota ta' lmenti li saru minn xi attivisti tal-partit, jiġifieri li Bernard Grech, Kandidat  - sa issa mhux uffiċjali - għal kariga ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jitħalla barra jew ma jingħatax il-prominenza li qed tingħata lil Delia. 

Dan hekk kif sa nhar il-Ħadd li għadda stess u matul il-ġimgħa li għaddiet Delia kien prominenti fuq il-gazzetti tal-Partit Nazzjonalista, preċiżament fuq il-faċċati ta' in-Nazzjon u l-Mument.  Dan wassal għal ilmenti illi Grech qed jitħalla barra mill-midja tal-partit minn sostenituri u attivisti tiegħu. 

Illum Adrian Delia ħabbar li kiteb liċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Peter Grech illi fiha qed jgħid li Grech għandu jingħata l-ispazju, anke jekk uffiċjalment il-kampanja għadha ma bdietx.  Delia jgħid u jħeġġeġ lill-Kummissjoni wkoll biex malli l-kandidatura tiegħu u ta' Grech ikunu uffiċjali jsiru dibattiti bejn it-tnejn, "sabiex it-tesserati jingħataw l-opportunità biex jifhmu aħjar il-viżjoni u l-ħsibijiet tal-kandidati f'dibattiti ċivili, organizzati b’mod professjonali u li jsiru b’sens qawwi ta’ rieda tajba u rispett reċiproku kif hu denju għall-Partit Nazzjonalista."

'Il-Kummissjoni Elettorali irnexxielha tipperswadi lit-tmexxija tal-partit ... rebaħ is-sens komun' 

Intant Bernard Grech nnota li wara diversi talbiet li huwa għamel permezz tar-rappreżentanti tiegħu sa fl-aħħar rebaħ is-sens komun.

Grech jirringrazzja l-Kummissjoni Elettorali li tat attenzjoni għall-ilmenti tiegħu kif jipprovdu l-Istatut u r-Regolamenti tal-partit dwar bilanċ fil-mezzi tax-xandir u media oħra talpartit waqt elezzjoni bħal din.

"Issa jidher li l-Kummissjoni Elettorali irnexxielha tipperswadi t-tmexxija tal-partit biex ma tibqax tostakola l-implimentazzjoni tal-provvedimenti tal-Istatut u tad-direzzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ilkoll maħsuba biex jassiguraw tmexxija ta’ elezzjoni b’mod ġust u demokratiku, ħaġa li l-membri ta’ dan l-Eżekuttiv ut-tesserati jqisu fondamentali u li għandhom dritt sagrosant għaliha."

More in Politika