Tibdil fl-irwol tal-Avukat tat-Tfal: Minn espert għal avukat li jassisti lit-tfal fil-Qorti

Il-Kabinett jiddiskuti u japprova bidliet fl-irwol tal-Avukat tat-Tfal wara wkoll appell mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ... 

Wara diskussjoni fil-Kabinett mmexxija mill-Ministru Edward Zammit Lewis il-Gvern mistenni jmexxi l-proposta biex dak li jissejjaħ Avukat tat-Tfal - kif jgħid ismu stess wara kollox - verament isir rappreżentant legali tat-tfal fi proċeduri bejn il-ġenituri u ma jibqax biss espert tal-Qorti kif inhu llum.  Dawn il-bidliet qed isiru wkoll wara li kienet il-Qorti stess li sabet illi kif inhuma l-affarijiet illum qed tinħoloq anomalija. 

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM fakkru illi preżentament l-Avukat tat-Tfal qed jinħatar bħala espert u jħejji rapport wara li jkun tkellem mat-tfal.  Dan ir-rapport jinżamm kunfidenzjali  mill-Qorti tal-Familja imma fl-istess waqt l-istess Qorti tużah biex tiddeċidi dwar aċċess taż ġenitur li ma jkollux il-kustodja tat-tfal, sakemm jispiċċaw il-proċeduri ta' separazzjoni. 

"Il-problema b'din il-prassi," spjegaw is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM. "filwaqt li wieħed jifhem li dan isir fl-interess tat-tfal, jirriżulta li dan iqajjem kwistjonijiet ta' smigħ xieraq  meta ġenitur jitneħħielu d-dritt li jara lil uliedu fuq rapport li lanqas biss hemm aċċess għalih."

Biex tissolva din l-anomalija l-Ministru Zammit Lewis għalhekk qed jipproponi bidliet sabiex ikun ċar fl-irwol tal-Avukat tat-Tfal illi r-responsabilità tiegħu hija biex isemma' leħen il-minuri fi proċeduri bejn il-ġenituri. 

Dawn il-bidliet se jaffetwaw każijiet ġodda u mhux dawk li huma pendenti.  

X'kienet iddeċidiet il-Qorti dwar din l-anomalija?

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili  mmexxija mill-Imħallef Robert G Mangion kienet diġa' tat ħarsa dettaljata lejn dawn il-proċessi u qalet illi hemm ksur tad-dritt fundamentali tal-missier (f'dan il-każ) skont il-Kostituzzjoni ta' Malta u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali meta dan il-missier ġie imwaqqaf milli jara lil uliedu 1) Mingħajr ma ngħata opportunità jwieġeb u jirrispondi jew inkella jara r-rapport tal-Avukat tat-Tfal u 2) mingħajr ma kellu ċ-ċans illi jevalwa u jeżamina r-rapport tal-Avukat tat-Tfal.

Kien hawn li l-Qorti appellat sabiex "jittieħdu l-passi neċessarji ħalli l-kunflitt bejn l-irwol tal-Avukat tat-Tfal bħala espert u dak ta' Avukat tat-Tfal bħala avukat ... tkun indirizzata fl-interess u b'rispett tad-drittijiet tal-minuri u tal-ġenituri."

Miżuri oħrajn ta' protezzjoni għat-tfal

1 - L-aqwa li kollha fil-Qorti tal-Familja ġew mgħammra beix persuni vulnerabbli fosthom nisa u tfal jixhdu dwar każijiet familjari mingħajr biża' f'każi li jinvolvu membri tal-familja tagħhom

2 - Qabel kien hemm żewġ awli li kellhom faċilità ta' video conferencing.  Issa kull awla għandha din il-faċilità

3 - Għajnuna legali, 24 siegħa kuljum mingħajr ħlas

4 - L-ewwel Kummissarju full-time għall-Vjolenza Domestika 

More in Politika