Tingħata ċ-Ċittadinanza Maltija lil żewġ plejers tal-futbol: Enrico Pepe u Teddy Teuma

Pepe - Difensur ta' Birkirkara F.C -  jingħata ċ-ċittadinanza tal-mertu u Teuma - midfielder ta' tim Belġjan -  jikkwalifika minħabba dixxenedenza Maltija

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima ħabbru li d-difensur ta’ Birkirkara F.C Enrico Pepe, kif ukoll il-midfielder tat-tim Belġjan Royale Union Saint-Gilloise Teddy Teuma, ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija waqt laqgħa li kien ukoll preżenti il-President tal-MFA Bjorn Vassallo.

Alex Muscat saħaq li fl-interess tal-iżvilupp ta’ dan l-isport f’pajjiżna, dawn iż-żewġ plejers se jikkontribwixxu bis-sħiħ bil-potenzjal tagħhom u se jkomplu jsaħħu t-talent lokali eżistenti. Dan bil-għan li pajjiżna jkompli jattira l-aqwa talent internazzjonali. 

Clifton Grima sostna li dan kollu huwa parti minn proċess li permezz tiegħu b’mod ħolisitiku wieħed iħares lejn l-iżvilupp tal-logħba u lejn il-kwalitajiet kemm sportivi u anke umani tal-persuna li permezz tagħhom ser tibbenefika s-soċjetà Maltija u d-dixxiplina sportiva partikolari. Huwa qal li dan kollu qed isir in vista tal-fatt li dawn l-atleti se jkunu qed jirrapreżentaw lil pajjiżna, allura b’mod dirett se jkunu qed jilbsu l-flokk Malti u se jkunu qed jirrapreżentaw lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dawn iż-żewġ plejers se jkunu eliġibbli sabiex jintgħażlu u jipparteċipaw fit-tim nazzjonali Malti. Id-difensur Enrico Pepe ngħata ċ-Ċittadinanza bil-Mertu hekk kif fil-preżent huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa difensuri li għandna f’pajjiżna u li se jkun qiegħed jgħin bis-sħiħ lit-tim nazzjonali Malti. Huwa kommess ukoll li jagħti kontribut qawwi fl-iżvilupp ta’ plejers żgħażagħ sabiex ikomplu jkabbru l-passjoni tagħhom lejn dan l-isport filwaqt li jissaħħaħ aktar it-talent lokali.

Min-naha l-oħra, il-midfielder professjonali li jilgħab fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni Belġjan, Teddy Teuma ngħata ċ-ċittadinanza Maltija hekk kif għandu dixxendenza Maltija u għaldaqstant, jikkwalifika awtomatikament għaċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna.

 

 

More in Politika