L-iskejjel indipendenti jisħqu li l-iskejjel jistgħu jiftħu biss jekk tonqos ir-rata ta' trasmissjoni

Jappellaw lill-Gvern biex ma jdumx ma jippubblika l-linji gwida dwar kif l-iskejjel se jkunu qed joperaw

L-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti qalet ċar u tond fi stqarrija li l-uniku possibbilità biex l-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom tiddependi biss mit-tnaqqis tar-rata tat-trasmissjoni tal-virus.

Fi stqarrija, l-ISA saħqet li kienet ilha xhur taħdem fuq xenarji differenti għall-ftuħ tal-iskejjel iżda wara ż-żieda sostanzjali fil-każi, tul l-aħħar xahar, kienet kostretta tirrevedi dawn il-pjani.

Saħqet li qed titkellem f’isem l-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri li wrew it-tħassib tagħhom u insistiet li l-Gvern għandu r-responsabbilità li jimmoniterja s-sitwazzjoni u r-restrizzjonijiet neċessarji u jassigura li kulħadd jirrispettahom.

“L-iskejjel jistgħu jiftħu biss jekk l-entitajiet kollha u ċ-ċittadini Maltin jirrealizzaw li hemm rabta qawwija bejn it-tnaqqis tar-RT Factor u t-trasmissjoni tal-virus fil-komunità u l-ftuħ tal-iskejjel. L-iskejjel jiftħu jekk ikun hemm rispons proattiv, responsabbli u effettiv għaż-żieda fil-każi,” saħqet l-Assoċjazzjoni.

L-Assoċjazzjoni nnutat ukoll li sa issa għad ma hemmx linji gwida mill-awtoritajiet dwar kif l-iskejjel se joperaw. Anke jekk il-proċess għaddej, saħqet li diġà huwa tard wisq u għalhekk appellat biex dawn ikunu ppubblikati immedjatament.

Insistiet li dawn ma għandhom iħallu xejn barra u għandhom jindikaw jekk id-distanza soċjali hijiex rakkomandata fil-klassijiet u jieħdu wkoll inkonsiderazzjoni t-trasport, fost oħrajn.

“Jekk le, l-iskejjel se jkunu kostretti jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom,” temmet tgħid l-Assoċjazzjoni.

More in Politika