‘Kull deċiżjoni li ħa George dejjem sab lili warajh ... dik hi Miriam Vella’

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ għall-ewwel darba mas-Sinjura Miriam Vella biex issir tafha aħjar. X’tippreferi? Id-dar jew San Anton? L-ikel tagħha jew tal-kċina tal-Palazz? Kif qattgħuh iż-żmien meta kellhom jissakkru fil-Palazz minħabba l-pandemija? Għandha rimorsi? It-tfal jistgħu jmorru jżuruha?

Miriam Vella | Ritratt ta' James Bianchi
Miriam Vella | Ritratt ta' James Bianchi

Nirreferu għaliha bħala l-‘First Lady’ iżda anke jekk tidher ħafna maġenb il-President George Vella, ftit li xejn nafu dwarha anke jekk tħobb titħallat ħafna man-nies. Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM żaret il-Palazz ta’ San Anton u ltaqgħet mas-Sinjura Miriam Vella biex issir tafha aħjar.

Poġġejt bilqiegħda fuq sufan, f’waħda mill-kmamar bellezza ta’ dan il-Palazz storiku, imdawra b’għamara antika u mill-isbaħ. Quddiemna ftit ħelu ppreparat mill-kċina tal-Palazz. Malli waslet is-Sinjura Vella, l-eċitament malajr tar u minnufih qbadna diskursata sħiħa. Tkellimna fuq il-ħajja privata tal-familja Vella, il-ġurnata tipika tal-First Lady, l-irwol tagħha, il-kċina tal-Palazz, l-imbierka pandemija, l-isfidi li kellu jiffaċċja l-President u elf ħaġa oħra.

“Jiena mara sempliċi ħafna. Mara tad-dar. Twelidt iż-Żejtun. Iżżewwiġt żgħira. Għandi tlett itfal. Ħajti ddedikajtha għalihom u għar-raġel. Kull deċiżjoni li ħa George, dejjem sab lili warajh. Dik hi Miriam Vella.” Hekk iddeskriviet lilha nnifisha l-First Lady meta bdejt nistaqsiha ftit mistoqsijiet bil-għan li nsiru nafuha aħjar.

Spjegat magħna wkoll kemm kienet ta’ sostenn u appoġġ għall-President Vella, tul il-karriera professjonali tiegħu ta’ tabib.  Meta kien jipprattika bħala tabib kienet teħodlu ħsieb l-appuntamenti kollha tal-pazjenti. 

Illum il-ġurnata, lis-Sinjura Vella narawha ta’ spiss takkumpanja lill-Eċċellenza Tiegħu fid-diversi appuntamenti u attivitajiet li jkollu. Hi stess saħqet mal-ILLUM li jħossuhom komdi ħafna flimkien u li, anke jekk imħabbta, jaħtfu kull okkażjoni biex ikunu flimkien.

‘Ħafna mumenti ta’sodisfazzjon ... iżda din il-Presidenza għandha ħafna sfidi’

Issa George Vella ilu aktar minn sena President. L-ILLUM staqsiet lis-Sinjura Vella kif kienu dawn l-aħħar xhur għalihom, bil-First Lady minnufih tammetti li bħal kollox, fil-ħajja, issib is-sabiħ u l-ikrah.

“F’dawn ix-xhur iffaċċjajna ħafna sfidi imma kien hemm ħafna mumenti ta’ sodisfazzjon kbir,” saħqet Vella. 

Tispjega kif bħalissa qed jinħass in-nuqqas ta’ attivitajiet u ta’ żjarat li jġibuk qrib il-poplu, u dan qed ikollu impatt ħażin anki fuq ix-xogħol ta’ volontarjat u għajnuna li tmexxi hi. Fi kliemha, il-ġbir ta’ fondi hu bżonjuż għal dawk il-ħafna pazjenti u familji li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet kbar.

“Din il-Presidenza għandna sfidi kbar. Il-Covid-19 ma għenitx. Ġabet id-dinja kollha għarkuptejha u aħna mhux speċjali. Imbagħad ikun hemm mumenti sbieħ ukoll. Allaħares kollox ħażin.”

Kien hawn li l-gazzetta ILLUM staqsiet lis-Sinjura Vella jekk qattx, f’dawn ix-xhur, iddispjaċiha li daħlu għal din il-ħajja. Twieġeb fin-negattiv. Tgħid biss kif minħabba li l-impenji żdiedu sew, ma tantx għadu jkollha ħin ma’ wliedha u n-neputijiet. 

Kompliet tisħaq kif kull rwol iġib responsabbiltajiet miegħu, u hi adattat faċilment f’din il-ħajja ġdida. Fil-Palazz ta’ Sant’Anton tinsab komda u kuntenta u faħħret ħafna lill-istaff.

Iżda possibbli, meta tara l-isfidi li kellu jiffaċċja l-President, qatt ma xtaqet li kieku dan kollu qatt ma seħħ u baqgħu kwieti d-dar u komplew igawdu l-pensjoni għall-kwiet?

“Din konnha ħsibna ħafna fuqha. It-tnejn mhux żgħar u ġieli ħsibna kif setgħat tkun ħajjitna kieku ma dħalniex għal din l-isfida. Forsi konna nkunu aktar mistrieħa, kalmi u liberi, iżda nemmnu t-tnejn li aħna li stajna nkomplu nagħtu kontribut lill-pajjiż u s-soċjetà. Xejn ma jiddispjaċini li ħadna din id-deċiżjoni,” saħqet. 

‘Osservajna r-regoli bħal kulħadd... immissjajt ħafna lit-tfal’

Iż-żmien li, bħal ħafna familji Maltin, kellhom jingħalqu ġewwa minħabba l-virus, kien żmien diffiċli ħafna għas-Sinjura Vella, tant li hi stess, għal aktar minn darba, għamlet referenza għal dan tul l-intervista. L-aktar ħaġa li ddispjaċiha kienet li ma setgħetx tara lill-uliedha u lit-tfal tagħhom.

“Waqaf kollox. Minn dak il-kalendarju mimli b’kollox – safar, attivitajiet u laqgħat – spiċċajna f’sitwazzjoni ta’ iżolament, bħal kull min kien jitqies vulnerabbli skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Almenu konna ninżlu sal-ġnien u naqraw xi kotba u nsegwu l-aħbarijiet, imma r-rutina ta’ kuljum sfumat fix-xejn. Kulħadd għadda minn żmien diffiċli, inklużi George u jien,” saħqet is-Sinjura Vella.
Issa xi ftit jew wisq, anke jekk il-pandemija għadha fostna, l-affarijiet reġgħu bdew jiċċaqilqu u għalhekk il-ġurnata tal-President u s-Sinjura tiegħu bdiet timtela’ wkoll. 

“Almenu issa qed noħorġu ftit, dejjem fl-osservanza tar-regoli. Anke George qed ikollu ftit laqgħat barra mill-Palazz,” kompliet tirrakkontalna. 

X’inhu l-irwol tal-First Lady?

Staqsejtha x’inhu l-irwol tagħha bħala First-Lady u jekk għandhiex affarijiet jew inizjattivi li tmexxi hi. Semmiet minnufih il-kampanja tal-Piggy Bank, dak il-karus li jitqassam fl-iskejjel u lilhinn biex anke t-tfal jieħdu sehem fl-Istrina.

“Din is-sena ġietna l-idea li nqabbdu lit-tfal jagħmlu t-tpinġijiet ta’ xi tfisser għalihom din l-inizjattiva u anke jpinġu dwar dan iż-żmien li fih kienu d-dar. Minn dis-sena l-karus mhux se jkun tal-plastik, ħalli nieħdu ħsieb l-ambjent. Se jkun tal-kartun u fuqu se jkun hemm it-tpinġijiet li għamlu t-tfal,” kompliet is-Sinjura Vella. 

Tgħidilna li x-xewqa tagħha hija li, jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, it-tfal u l-ġenituri tagħhom jitlaqqgħu fil-Palazz biex il-President u hi miegħu jkunu jistgħu jirringrazzjawhom.

Ovvjament, kollox jiddependi mis-sitwazzjoni tal-pandemija. Fil-fatt, għal Jum l-Omm, is-Sinjura Vella kienet ħejjiet attività kbira. Fakkret kif Jum l-Omm ġie fi żmien meta l-attivitajiet kienu wieqfa, iżda għal Jum il-Missier saret attività oħra, dejjem bil-miżuri ta’ mitigazzjoni, fejn ġew mistiedna missirijiet li għaddew minn sfidi u li sabu l-għajnuna tal-MCCFF.

“It-talbiet għall-għajnuna mhux se jistennew il-pandemija tgħaddi. Dawk baqgħu ġejjin u bqajna naraw kif se ngħinuhom. Bqajna niltaqgħu kull ġimgħa biex żgur ma nħallu lil ħadd jistenna,” saħqet is-Sinjura Vella. 

Ta’ min isemmi wkoll ix-xogħol li twettaq is-Sinjura Vella fi ħdan diversi strutturi, inkluża l-MCCFF inifisha, bħall-Bord tas-Soċjal, biex tingħata l-assistenza medika, u kultant anki finanzjarja, lil min ikollu bżonn. Is-Sinjura Vella hija wkoll attiva ma’ strutturi oħra bħalma huma l-Hospice Movement, u tagħti wkoll sehem f’diversi kampanji bħal ma hija dik ta’ kontra l-vjolenza domestika.

Id-dar jew il-Palazz? L-ikel tagħha jew tal-kok?

Ħallejna ftit il-Covid-19 warajna u anke l-irwol uffiċjali tas-Sinjura Vella u komplejna nitkellmu magħha dwar aspetti mill-ħajja ta’ kuljum.

X’tippreferi Miriam Vella? Id-dar taż-Żejtun jew Sant’Anton? “Id-dar nimmissjaha. Kelli nżarma ħafna affarijiet minnha qabel tlaqt. Meta naraha żarmatha, taqbadni ħlewwa ta’ qalb. Inħoss in-nuqqas taż-Żejtun u taż-Żwieten, li dejjem irrispettawna. George kien tabib tajjeb ħafna u maħbub. Iżda hawnhekk, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, ninsab  kuntenta ferm ukoll.” Qaltilna.

Meta kienet id-dar, Miriam Vella kienet issajjar hi, inkluż għat-tfal meta kienu jmorru jieklu għandhom fil-Ħdud. Illum issib l-ikel lest. X’tippreferi? “Ma kontx xi koka prima għall-bidu. 

George dejjem isemmi kif, meta konna għadna miżżewġin friski, ma tantx kont ninqala’, iżda wara ftit ħadt il-qagħda sew u kont naqla’ ħafna kumplimenti, kemm mingħandu kif ukoll mingħand it-tfal. Is-sigriet kien li nsajjar b’imħabba,” irrakkontat. “L-ikel tal-Palazz inħobbu ħafna u vera jieħdu ħsieb li jkun ikel ġenwin u tajjeb għas-saħħa. Li ma tkunx ippreparajt inti, jinżillek għasel,” tgħidilna bid-daħka simpatika tagħha.

‘Meta ninżel iż-Żejtun, xorta mmur s’għand tal-merċa’

Miriam Vella hija dħulija ħafna. Anke fl-attivitajiet taraha tiltaqa’ u titħallat man-nies. Nhar ta’ Ħadd, anke għax il-quddiesa fil-Palazz ta’ San Anton m’għadhiex issir minħabba l-pandemija, hi flimkien mal-President imorru l-Quddies fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt u jpoġġu bilqiegħda fost in-nies (dejjem fl-istess post) u wara jgħidu kelma magħhom ukoll. 

Erġajt semmejtilha l-ħajja ta’ kuljum fiż-Żejtun. “Meta ninżel iż-Żejtun, xorta mmur s’għand tal-merċa. Għamilt ħabta kont ninżel nhar ta’ Tnejn filgħodu,” qaltilna. “Jiena nħobb inżomm ħafna kuntatt man-nies. Dik ix-xirja ta’ kull filgħodu u dawk il-kelmtejn man-nies kont inħobbhom wisq. Nammetti li kien ikun ferm iktar diffiċli nibqa’ ġewwa f’dawn l-aħħar ġimgħat, kieku kont għadni ż-Żejtun.”

X’tammira l-aktar f’żewġha? Ġieli bassret li se jkun President?

U kieku kellha ssemmi kwalità waħda li tammira fir-raġel tagħha, din xi tkun?  “Hemm ħafna. Naħseb l-iktar waħda li napprezza huwa li għandu karattru sod. Jiena għalija għandu ħafna kwalitajiet tajbin. Ma nistax insemmi waħda biss.  Fiż-żwieġ u l-ħajja tal-familja sibt ħafna xorti għax kulma nkun nixtieq, b’xi mod, dejjem ikkuntentani,” qaltilna b’għajnejha jixegħlu.

Staqsejtha jekk qattx għadditilha minn moħħha li żewġha kien se jkun President ta’ Malta. Wieġbet illi qatt ma basret li dan ser ikun il-każ.

“Ħaġa waħda se ngħid. Meta rtira mill-politika u ma baqax jaħdem ta’ tabib, l-ewwel tliet xhur għaddew. Għamel dak li kien ilu biex jagħmel. Irranġa l-kamra fejn iqatta’ ħafna ħin, bajjadniha u biddilna l-għamara. Meta għaddew dawn ix-xhur, kont nara li qed inħoss in-nuqqas tal-ħajja attiva li kellu sa ftit qabel. Konna noħorġu darba s-Sibt għall-quddiesa u forsi nieklu l-Ħadd f’nofsinhar. Jiena bqajt għaddejja b’ħajti normali. Bqajt noħroġ. Imma għalih kienet ħajja differenti ħafna minn dik li kien għex sa ftit qabel. Kważi ssakkar ġewwa. Kien iqatta’ ħafna ħin jaqra u fil-ġnien.”

‘Ninduna meta jkun inkwetat’

Tkellimna ftit fuq il-Presidenza ta’ George Vella. Iffaċċja diversi sfidi. Fi ftit xhur kien hawn kwistjoni politika fil-pajjiż, riżenja ta’ Prim Ministru u, dan l-aħħar, anke l-kwistjoni fil-Partit Nazzjonalista, fejn il-President kellu jieħu deċiżjoni importanti dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni. Bosta kienu dawk li kienu qed jistennew il-kelma tal-President, anke biex jagħti direzzjoni, imqar morali, lill-pajjiż. Kienet tinkwieta meta tarah inkwetat? Ġieli talabha parir?

Vella saħqet li Dr Vella ftit li xejn juriha meta jkun inkwetat. “Imma jiena ninduna,” kompliet.  “Dejjem kont hemm, ma’ uliedi, biex inkunu ta’ appoġġ għalih, anke fil-mumenti l-aktar diffiċli.”

Għandha xi ħolma?

Staqsejtha jekk għandhiex ħolma u li tixtieq taħdem fuqha biex taraha sseħħ. Bdiet tisħaq li, l-ewwel u qabel kollox, tixtieq ħafna li l-ħajja tirritorna għal dik li kienet qabel. “Kif għidtlek, il-Covid, biddlitilna l-istil tal-ħajja tagħna,” tenniet.

Iżda l-akbar xewqa ta’ Miriam Vella tinvolvi l-fondi biex ikunu jistgħu jgħinu lill-persuni fil-bżonn. “Nixtieq nivvinta, nixtieq naħseb f’xi ħaġa, li tirrendi l-flus biex inkunu f’sitwazzjoni li ngħinu lil kulħadd.”

Fil-fatt, is-Sinjura Vella kienet bdiet taħdem fuq dan il-proġett flimkien ma’ grupp ta’ nies li kienu qed jiltaqgħu b’mod regolari, bl-attivitajiet kienu qed irendu xi ftit tal-fondi għall-MCCFF, iżda l-Covid-19 anke hawn ħalla l-effett.

“Din il-ħolma tiegħi. Li kull min iħabbat il-bieb b’talba għall-għajnuna, ikun jista’ jirċievi l-għajnuna.”

‘Ħmistax ilu qattajna ġurnata l-familja kollha wara ħafna ġimgħat’

U t-tfal u n-neputijiet, ikollhom ċans imorru Sant’Anton? Jistgħu jqattgħu ħin bħala familja? “Dażgur li iva, imma din is-sena kemm l-Għid, kemm Jum l-Omm, u anke l-birthday ta’ George inzertaw meta konna magħluqa ġewwa. Għall-birthday, it-tfal kellmuh fuq Skype. Tlifna ħafna okkażjonijiet. Ħmistax ilu ltqajna lkoll għall-ewwel darba hawn wara ħafna ġimgħat. Qattajna ġurnata flimkien. Illum il-familja tgħodd l-20. In-neputijiet kollha bil-boyfriends u l-girlfriends. Il-ħajja tinbidel. Konna niltaqgħu Ħadd iva u Ħadd le għandi d-dar. Kont insajjar għal riġment,” irrakkontatilna b’xi ftit ta’ nostalġija wkoll.

‘Il-mara tasal fejn trid’

Tkellimna wkoll fuq l-irwol tan-nisa fis-soċjetà. “Ħa nibda billi ngħidlek din,” waqqfitna fil-pront. “Fis-Segretarjat tagħna, l-irġiel qegħdin fil-minoranza. Kulħadd għandu jiġi stmat għall-kapċitajiet tiegħu, irrilevanti jekk mhux mara jew raġel. George u jiena dejjem hekk emminna, u anki lill-uliedna u n-neputijiet hekk tellajnihom jaħsbu.”

Kien hawn li appellat lin-nisa kollha, speċjalment lit-tfajliet, biex ma jaqtgħux qalbhom. “Kelli bżonn ġejt fiż-żmien tal-lum għax kieku żgur kont inkun mara ta’ karriera. Anke lil min hu mħajjar għall-politika, jiena ma naqtagħlux qalbu ... Jiena nemmen li l-mara tasal fejn trid,” insistiet.

Ħaditna lura fiż-żmien.  Tirrakkonta kif kienet tieħu l-inizjattiva li tistieden lill-kollegi tar-raġel tagħha kollha d-dar biex tibni dak l-ispirtu ta’ koperazzjoni u ħbiberija li għandu jkun hemm f’kull grupp.  “Kont nipprova nkun attiva kemm nista’ u nagħmel mill-aħjar li nista’,” qaltilna.

Vella faħħret ukoll inizjattivi li ħa l-Parlament Malti, bħal pereżempju l-ħinijiet tal-laqgħat, biex jgħin lid-deputati ommijiet u missirijiet ikollhom il-ħin tagħhom mal-familja u t-tfal u appellat biex anke l-kumpaniji jieħdu dan l-eżempju.

“Lin-nisa ma naqtagħlhom qalbhom xejn. Il-pajjiż għandu bżonnkom,” appellatilhom.

Nirringrazzjak George

Fl-aħħar tal-intervista, ħallejna kollox f’idejn is-Sinjura Vella biex twassal il-messaġġ tagħha lill-President Vella. Il-messaġġ tagħha kien wieħed qasir, iżda deher ħiereġ minn qalbha:

“Kompli kif inti sejjer. Jiena dejjem emmint fik. Nirringrazzjak tar-rispett li dejjem ġibtli u tal-ħajja sabiħa u mimlija ferħ li tajtni.”

More in Politika