Il-kunfidenza fost l-industrijalisti u tal-ħwienet baxxa ħafna f'Lulju ... tirpilja fost il-konsumaturi

Il-Bank Ċentrali jagħti stampa ta' nuqqas ta' kunfidenza f'ħafna setturi ekonomiċi, uħud minn Jannar ... Fost il-kosumatur iżda jidher li reġa' beda jiżdied is-sens ottimist

Matul ix-xahar ta' Lulju s-settur tal-bejgħ bl-imnut - jiġifieri ħwienet tal-ħwejjeġ, żraben, aċċessorji u aktar - kif ukoll l-industrija komplew jirreġistraw tnaqqis jew ċifri negattivi fil-livelli ta' kunfidenza fin-negozju, bl-agħar numri jkunu fil-bejgħ bl-imnut. 

Dan jirriżulta minn rapport ta' aġġornament ekonomiku maħruġ mill-Bank Ċentrali li juri kif fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut il-problemi kienu diġa' bdew f'Jannar ta' din is-sena.  Dak iż-żmien il-kunfidenza f'dan is-settur kienet diġa' ta' żero u issa kompla nieżel għal -53.6, ibbażat  - jispjega il-Bank Ċentrali ta' Malta - fuq kif qed jaraw in-negozju għat-tliet xhur li ġejjin u mill-assesjar tan-negozju tax-xahar ta' qabel.  Fl-2018 il-kunfidenza kienet pożittiva u tlaħħaq it-8.2 punti u fl-2019 laħħqet l-4.2 punti.

Fl-industrija wkoll il-kunfidenza fin-negozju niżel sew meta mqabbel ma' Jannar meta kien diġa' -1.1 punti.  Issa jinsab fil-livell ta' -35.6 li huwa ftit aħjar fil-fatt mix-xahar ta' Ġunju meta kien -42.2. 

Il-kunfidenza fost il-konsumaturi iżda tjiebet hekk kif kien hemm titjib gradwali minn April (-15.8) għal Lulju (-3.3).  Il-konsumaturi kienu pożittivi xorta dwar is-sena li kienet għadha kif għaddiet (6.1) u aktar pożittivi għat-12-il xahar li ġejjin (13.9).  Minkejja dan, dawn il-punti huma 'l bogħod mill-10.1 f'kunfidenza li kellhom il-konsumaturi fl-2018 u l-4.5 fl-2019. 

More in Politika