Delia ma jikkomettix ruħu dwar il-ftuħ tal-iskejjel u l-miżuri mħabbrin illum - jgħid li m'hemmx biżżejjed informazzjoni

Adrian Delia jerġa' jappella għal dibattitu fil-Parlament - ma jikkomettix ruħu dwar il-ftuħ tal-iskejjel u lanqas dwar il-miżuri mħabbrin illum mill-Gvern

Adrian Delia (arkivji)
Adrian Delia (arkivji)

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ma kkomettiex ruħu kontra jew favur il-miżuri mħabbrin illum mill-Gvern għaliex qal li l-Gvern mhux qed jaqsam l-informazzjoni li turi kif ħa d-deċiżjonijiet. "Ftit ġranet ilu l-PM beda jipprova jagħti l-impressjoni li din il-problema lanqas biss teżisti." Adrian Delia fil-fatt ilmenta diversi drabi dwar dak li sejjaħ "nuqqas ta' informazzjoni" mill-Gvern dwar il-kwistjoni u qal li għalhekk ma setax jikkometti lilu nnifsu. 

Fil-fatt mistoqsi mill-Maltatoday dwar jekk jaqbilx li jinfetħu l-iskejjel huwa ma kkomettiex ruħu u qal biss li biex l-Oppożizzjoni tiddeċiedi irid ikollha l-informazzjoni u appella biex anke fir-rigward tal-eżamijiet ikun hemm serħan il-moħħ. "Minn naħa tal-Gvern irid ikun hemm ir-rieda li jaqsam l-informazzjoni.  Issa bdejna nisimgħu ftit," ammetta Delia li reġa' appella għal dibattitu fil-Parlament dwar il-Covid-19. 

Delia qal illi fl-Irlanda persuna tkeċċiet għax mar vaganza wara li ħabbar miżuri biex jitrażżan il-virus.  "Hekk jiġri f'pajjiż normali. Huwa ta' għajb li t-tobba kellhom jiġu fl-estremità li jistrajkjaw," qal il-Kap tal-PN li sostna li se jħalli lin-nies jiġġudikaw lil Robert Abela dwar il-vaganza li qiegħed fuqha fi Sqallija. 

 

More in Politika