Il-Pantomima tat-Teatru Manoel ikkanċellata minħabba l-Covid-19 - L-istaġun teatrali se jkun diskuss

Il-pantomima fit-Teatru Manoel mhux ser issir u se jkun diskuss jekk l-istaġun teatrali għandux jibqa' għaddej

Il-Covid-19 jwassal għal posponiment tal-Pantomima fit-Teatru Manoel
Il-Covid-19 jwassal għal posponiment tal-Pantomima fit-Teatru Manoel

Fi stqarrija t-Teatru Manoel ħabbar illi ddeċieda li jħassar l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-pantomima tal-Milied.

Din is-sena Masquerade Malta kienet skedata biex tipproduċi dan l-ispettaklu ferm imfittex mill-familji, bil-ħsieb li tiġi segwita minn MADC fl-2021-2022 u minn FM Theatre Productions fl-2022-2023. It-tliet kumpaniji teatrali jaqblu kompletament ma’ din id-deċiżjoni, u għaldaqstant se jkunu qed imexxu d-dati rispettivi tagħhom b’sena.

Il-pantomima annwali ilha attrazzjoni ewlenija tat-Teatru Nazzjonali ta’ Malta għal għexur ta’ snin, u kemm it-Teatru Manoel kif ukoll it-tliet kumpaniji teatrali prinċipali li huma involuti stqarrew li d-deċiżjoni kienet waħda iebsa. "Madankollu, peress li għad hawn wisq inċertezza dwar x’inhu ġej, ilkoll naqblu li f’ċirkostanzi bħal dawn mhux fattibbli li wieħed jibqa’ għaddej bi produzzjoni daqstant kbira – li titlob tant ħin, impenn u sforz kreattiv."

Fid-dawl ta’ dan kollu, u b’konsiderazzjoni lejn is-saħħa u s-sigurtà tal-kreattivi u l-udjenzi, it-tmexxija tat-Teatru Manoel bħalissa tinsab ukoll għaddejja b’diskussjonijiet dwar x’se jiġri mill-bqija tal-istaġun teatrali, u għandha tħabbar xi dettalji dalwaqt.

Il-pantomima allura tingħaqad ma' tant attivitajiet oħrajn li qed ikunu kkanċellati jew li qed issir diskussjoni dwarhom.  Il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda rrappurtat kif xi dilettanti tal-Karnival qed jikkunsdraw li ma jipparteċipawx u qed iħeġġu biex il-Karnival ma jsirx hekk kif l-ispejjeż huma kbar u l-finanzjament kif ukoll id-dħul tad-dilettanti naqas. 

More in Politika