L-EasyJet tħassar it-titjiriet tagħha lejn Malta

Għalissa l-linja tal-ajru qed iżomm l-iskeda tagħha għal Settembru iżda qed toffri ċ-ċans lill-passiġġieri biex jagħżlu destinazzjoni oħra minflok Malta

Il-linja tal-ajru, low-cost, EasyJet ħassret it-titjiriet kollha tagħha lejn Malta sal-aħħar ta' Awwissu.

Din l-aħbar ħarġet wara li l-Gvern Ingliż żied lil Malta, Franza u l-Olanda mal-lista ta' pajjiżi meqjusa mhux siguri u għalhekk kull min jidħol fir-Renju Unit minn dawn il-pajjiżi, qed ikun kostrett jagħmel kwarantina ta' 14-il ġurnata.

Kelliem għal-linja tal-ajru qal li bħalissa l-kumpanija tinsab fil-proċess li tħallas lura lill-passiġġieri kollha.

Għalissa, l-EasyJet se tkun qed iżomm l-iskeda tagħha għal Settembru iżda qed toffri lill-passiġġiera ċ-ċans li jbiddlu l-btala tagħhom għal xi mkien ieħor minflok Malta.

Din tista' titqis bħala l-aħħar daqqa ta' ħarta għas-settur tat-turiżmu f'Malta hekk kif diversi pajjiżi Ewropej, inkluż l-Italja, neħħew lil Malta minn fuq il-lista ta' pajjiżi siguri u poġġew restrizzjonijiet fuq is-safar minn Malta.

More in Politika