Ir-Renju Unit ipoġġi lil Malta fil-lista tal-kwarantina

Ma' Malta fl-istess lista tpoġġew Franza u l-Olanda, fost oħrajn

Dawk kollha li jidħlu r-Renju Unit minn Malta, Franza u l-Olanda, fost oħrajn, se jkunu obbligati jagħmlu kwarantina ta' erbatax-il ġurnata, b'din id-direttiva tidħol fis-seħħ min-nhar is-Sibt.

Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ingliż, Grant Shapps hekk kif intemmet laqgħa tal-kabinett. Mal-lista tal-pajjiżi mhux siguri għas-safar, ir-Renju Unit daħħal ukoll lil Monaco, Caicos u Aruba.

Il-Ministru saħaq li din id-deċiżjoni, iebsa kemm hi iebsa, ittieħdet biex ir-rata ta' infezzjonijiet fir-Renju Unit tibqa' waħda baxxa. Aktar qabel, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson insista li l-Gvern se jkun iebes fid-deċiżjonijiet li jieħu biex jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu.

Ir-Renju Unit ħa din id-deċiżjoni wara ż-żieda ta' każi ta' Covid-19 madwar l-Ewropa. Malta llum irreġistrat numru rekord ta' 55 każ ġdid.

Din id-deċiżjoni mistenni jkollha impatt sinifikanti fuq Malta, hekk kif dak tar-Renju Unit huwa l-aktar suq turistiku b'saħħtu għal pajjiż.

L-Olanda wkoll neħħiet lil Malta mil-lista ta' pajjiżi siguri u r-reġjun Taljan ta' Puglia qed jordna lil kull persuna li tasal minn Malta biex tagħmel kwarantina ta' 14-il ġurnata. Anke n-Norveġja ħabbret illum li poġġiet lil Malta fil-lista tal-kwarantina għax mhijiex sigura għas-safar.

Sqallija wkoll qed tordna lill-Isqallin kollha li jirritornaw minn Malta biex jagħmlu kwarantina, filwaqt li l-Gvern Taljan qed jordna lit-turisti Maltin biex jagħmlu test malli jaslu jew inkella jieħdu magħhom ir-riżultat ta' test li jkunu għamlu 74 siegħa qabel waslu fil-pajjiż.

Tliet stati Baltiċi, l-Irlanda, l-Islovenja u l-Greċja wkoll poġġew restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar minn u lejn Malta.

Il-Litwanja għalqet kompletament il-fruntieri tagħha għal Malta.

More in Politika