'Irridu niżguraw li l-poplu jkollu aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli' - Ian Borg

Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq 16-il sit f’disa' lokalitajiet differenti biex jinbnew 768 appartament ta' akkomodazzjoni affordabbli

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg attenda għal preżentazzjoni minn Projects Plus Ltd u minn Malita Investments PLC fejn spjegaw ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq 16-il sit f’disa' lokalitajiet differenti biex jinbnew 768 appartament, 270 garaxx u 350 car spaces. 

Dan il-proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli huwa stmat li se jiswa madwar €58 miljun u qed isir minn Malita Investments PLC u minn Projects Plus Ltd.

 “Jekk vera rridu naraw titjib tanġibbli, irridu niżguraw li l-poplu jkollu aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli ta’ kwalità xierqa. Dak huwa l-għan aħħari ta’ dan il-proġett u se nkomplu ninvestu u naħdmu biex naraw li aktar u aktar proġetti bħal dawn jilħqu lin-nies,” saħaq il-Ministru Borg.

Malita Investments PLC assigurat l-iffinanzjar ta’ dan il-proġett mill-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB) u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB). 

Sadanittant, Projects Plus Ltd għandha rwoli varji fosthom l-estimi tal-proġett, assistenza fil-pubblikazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ tenders fi stadji differenti, assistenza teknika biex jiġu żgurati standards, kumpilazzjonijiet tax-xogħol involut u assistenza oħra.

 Il-proġett jinkludi sit f’Ħal Luqa, sit f’Ħ’Attard, sit fis-Siġġiewi, 3 siti fil-Qrendi, sit f’Birkirkara, sit fl-Imsida, sit fiż-Żurrieq, 4 siti f’Ħal Kirkop, sit f’Bormla u 2 siti f’Ħaż-Żebbuġ. 11 minn fost dawn is-16-il sit jinsabu fl-istadju tal-kostruzzjoni.

More in Politika