Ir-rapport ta’ verifika dwar Delia ... L-ILLUM tagħti ħarsa lejn id-dellijiet tal-Kap tal-PN

Din il-ġimgħa jibda l-proċess ta’ verifika fuq il-kandidati għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Adrian Delia, li għamel tliet snin fid-dell ta’ allegazzjonijiet, se jkun qed jgħaddi wkoll minn dan il-proċess. X’nafu diġà dwaru? X’jista’ jkun jinkludi dan ir-rapport?

Illum jagħlqu l-applikazzjonijiet għall-membri tal-Partit Nazzjonalista li lesti jidħlu għall-kariga importanti u diffiċli ta’ Kap. Dan ifisser li l-pass li jmiss ikun f’idejn il-Kummissjoni Kandidati li din il-ġimgħa stess trid tibda proċess ta’ verifika dwar kull persuna li titfa’ isimha.

Hawn jidħol il-Kap attwali Adrian Delia. Hu stess għamel talba biex ikun żgurat li dan il-proċess isir bl-aktar mod rigoruż, inkluż fuqu nnifsu. Iżda b’dak kollu li ħareġ u li ntqal dwaru, x’jista’ jkun jinkludi r-rapport dwar Delia?

L-argumenti li qed isiru huma tnejn. Jekk Delia ma jgħaddix minn dan il-proċess u r-rakkomandazzjoni tkun kontra l-kandidatura tiegħu, il-qasma fil-Partit Nazzjonalista se toħroġ aktar fil-beraħ, għax ngħiduha kif inhi, wara l-vot tal-Kunsill Ġenerali, huwa ċar li Delia  għad għandu appoġġ sostanzjali fil-Partit.

Mill-banda l-oħra, jekk iseħħ ix-xenarju oppost, se jaqgħu l-argumenti, inkluż tad-Deputati li sfiduċjaw lil Delia, li bih Kap, il-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt jidher kredibbli u integru, għax il-Kap tiegħu mhuwiex.

F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn id-dellijiet ta’ Delia u għalhekk dawk il-kwistjonijiet li x’aktarx se jkunu mniżżla fir-rapport tad-due diligence li l-Kummissjoni Kandidati se tkun qed tagħmel fuq il-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista.

Allegazzjoni, investigazzjoni, rakkomandazzjoni .... x’inbidel mill-2017?

L-allegazzjonijiet li Daphne Caruana Galizia kienet għamlet kontra Adrian Delia, meta dan kien għadu kandidat għall-elezzjoni tal-Kap Nazzjonalista, fl-2017, għadhom qed jiġru warajh sal-lum il-ġurnata.

F’Diċembru tal-2018, The Sunday Times of Malta kienet żvelat kif Delia jinsab taħt skrutinju għax l-allegat rabtiet tiegħu ma’ ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho, qed ikunu investigati bħala parti minn investigazzjoni aktar wiesgħa fuq il-ħasil tal-flus.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga dawn ir-rabtiet wara li f’Marzu tal-2018 wasal għandha rapport tal-FIAU, jiġifieri mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus.

Delia dejjem insista li hu ma kellu l-ebda idea dwar dan għax qatt ma ntalab imur id-Depot. Fil-fatt, sal-lum, dejjem skont dak li qal hu, Delia għadu qatt ma ġie mgħajjat mill-Pulizija biex ikun mistoqsi jew interrogat.

Bla dubju ta’ xejn, dan se jkun imsemmi żgur fir-rapport li l-Kummissjoni Kandidati trid tħejji dwar Delia.

L-allegazzjonijiet li Daphne Caruana Galizia għamlet kontra Delia jinvolvu pagament ta’ £1 miljun, liema flus (li allegatament ġejjin mill-prostituzzjoni f’Soho), għaddew mill-kont ta’ Adrian Delia għal kont tal-Bank f’Barclays f’Jersey.

Delia dejjem ċaħad li kien involut f’xi attività kriminali u insista li hu kien biss l-avukat tal-klijenti inkwistjoni, jiġifieri l-aħwa Bajada, fosthom Eucharist Bajada li ibnu kien miżżewweġ ma’ oħt Simon Busuttil. 

Skont Daphne, Delia għandu jew kellu sehem f’kumpanija li s-sid tagħha huwa l-istess Bajada u li dan kellu appartament li allegatament jintuża għall-prostituzzjoni. Il-flus li kienu jinġabru kienu jgħaddu fil-kont f’Jersey u minn hemm għal kontijiet oħra.

Dawn l-allegazzjonijiet baqgħu qatt ma raqdu anke għax Delia kien waqqa’ l-libelli li kienet fetaħ kontra Daphne Caruana Galizia, meta din inqatlet. Huwa dejjem insista li għamel dan mhux għax għandu x’jaħbi imma b’rispett lejha u l-familja tagħha.

Ma tridx tkun xi għaref biex tkun taf x’se tkun il-konklużjoni tal-Kummissjoni Kandidati dwar dan. Lura fl-2017, meta ħarġu dawn l-allegazzjonijiet, fl-eqqel tal-kampanja għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien tlaqqa’ l-Kumitat tal-Etika u wara laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv, Simon Busuttil (dak iż-żmien il-Kap uxxenti) kien insista illi li kieku kien flok Delia kien jirrikonsidra l-kandidatura tiegħu.

X’inbidel illum? Il-mistoqsijiet li kien hemm dak iż-żmien, għadhom hemm illum. Se terġa’ ssir l-istess rakkomandazzjoni?

Il-qagħda finanzjarja ta’ Delia

Delia ma għandux sold taħt rasu. Fid-dikjarazzjonijiet tal-assi, li ppreżenta tul dawn l-aħħar snin, Delia qatt ma ddikjara li għandu xi forma ta’ savings fuq ismu, la f’banek lokali u lanqas internazzjonali. Li kap ta’ partit, li jaspira li jkun Prim Ministru, ma jkollu kważi xejn f’butu, ma tantx hija xi ħaġa pożittiva u lanqas ma tawgura tajjeb.

Il-paga ta’ Delia hija ta’ €44,000 iżda fl-istess ħin, skont l-aħħar dikjarazzjoni tal-assi, apparti li ma għandux sold taħt rasu, għandu wkoll €626,000 f’loans.

Minkejja dan, f’Jannar tal-2015, Delia kien qal ma’ The Times of Malta li qed jirnexxilu xorta waħda jħallaq mal-pagamenti li jrid jagħmel kull xahar u li jaqbżu d-€9,000.

Delia ddikjara wkoll li huwa sid, flimkien mal-eks mara tiegħu, ta’ diversi proprjetajiet u anke li għandu ishma (9%) fil-kumpanija Mġarr Development Limited, li wkoll kienet fiċ-ċentru ta’ kontroversja lura fl-2017 minħabba li din kellha dejn ta’ €7.2 miljun u li Delia u s-shareholders l-oħra huma responsabbli għalih.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-eks mara ta’ Delia, Nicky Vella de Fremaux, kienet fetħet protest ġudizzjarju kontra Delia fejn kienet akkużatu li falla milli jħallas żewġ pagamenti tal-loan fuq id-dar tagħhom

Skont l-istess protest, Delia kienu għadu ma ħallasx €7,500. Apparti dawn, skont rapporti, Delia qabeż żewġ pagamenti f’żewġ karti ta’ kreditu u li kienu jinsabu €25,000 minn taħt. Kellu wkoll iħallas b’lura €19,000 f’kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Delia kien ċaħad dawn l-allegazzjonijet.

Meta Delia sar Kap Nazzjonalista kellu jħallas b’lura €51,924 f’taxxi u €34,859 f’interessi. Delia kien ħallas kollox billi biegħ l-ishma li kellu f’diversi kumpaniji legali u anke proprjetà fis-Siġġiewi.

17 Black iddeffes denbha ... inkjesta maġisterjali 

17 Black, jew aħjar is-sid tagħha, Yorgen Fenech, ħalla wkoll il-marka tiegħu fuq Adrian Delia, bħalikieku ma kellux biżżejjed dellijiet fuqu.

Inkjesta maġisterjali qed tinvestiga allegazzjonijiet, li ħarġu mix-xhieda ta’ Melvin Theuma (l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia) u aktar tard ta’ Keith Schembri (l-eks Chief of Staff ta’ Kastilja). Dawn l-allegazzjonijiet huma dwar ikla li Adrian Delia allegatament kellu għand Yorgen Fenech u li waqt l-istess laqgħa, il-Kap Nazzjonalista (dejjem skont ix-xhieda) kien talbu €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta’ David Casa.

Delia ċaħad din l-allegazzjoni b’affidavit. Sa issa ma hemm l-ebda evidenza li dawn il-flus għaddew. Lanqas Casa nnifsu ma għandu evidenza f’idu li jipprova dawn l-allegazzjonijiet.

Iżda dan ma kienx biżżejjed. Meta Delia ma setax ikun f’dell aktar milli hu, ifeġġu l-famużi chats fuq Whatsapp li allegatament juru konverżazzjoni bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia.

B’kunfidenza, Fenech jistieden lil Delia biex “isajru” xi ħaġa flimkien, bil-Kap Nazzjonalista, minflok jeħles minnu, jgħidlu li se jgħid lil Pierre (Portelli) biex jorganizza kollox.

Iċ-chat iġġib id-data ta’ Marzu tal-2019, jiġifieri meta kien diġà magħruf li l-kumpanija 17 Black kienet ta’ Yorgen Fenech u li din kienet target client tal-kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembru u l-eks Ministru Konrad Mizzi. 

Dan wassal biex Adrian Delia jkun deskritt bħala “il-ħabib ta’ Yorgen Fenech,” minn Jason Azzopardi, wieħed mill-aktar Deputat Nazzjonalisti li huwa voċiferu kontra Delia.

Adrian Delia fetaħ protest ġudizzjarju kontra Jason Azzopardi waqt li qed jallega li dan qed iħammġu u jimmalafamah. Is-sit illum.com.mt waslitlu wkoll informazzjoni li Azzopardi, f’laqgħat li kien qed ikollu, kien qed jisħaq li hemm aktar messaġġi li se joħorġu fir-recordings ta’ Melvin Theuma u li juru illi l-pagament bejn Fenech u Delia vera seħħ.

Azzopardi żamm ma’ dak li qal u f’kontro-protest sfida lil Delia biex min jirriżulta li ma kellux raġun, jew li kien qed jigdeb, jirriżenja mill-Parlament.

Delia u l-każ ta’ Arcidiacono

Il-Kap tal-Opppożizzjoni jinsab ukoll involut f’każ li jmur lura għall-2011 (qabel rifes fil-politika) u li jinvolvi ħlas ta’ €86,210 li Delia allegatament ħa biex jassigura self ta’ €800,000 mill-HSBC lin-negozjant Boris Arcidiacono.

Fil-Qorti, Arcidiacono qed jinsisti li ma kienx ta l-kunsens tiegħu biex l-HSBC seta’ joħroġ dan il-bank draft ta’ €86,210 lil Delia għas-servizz tiegħu biex jassigura s-self.

Il-kumpanija Arcidiacono qed tallega li Delia tħallas minn dak li kien għad fadal minn self ta’ €800,000 li sar biex ikunu jistgħu jitħallsu l-kredituri tal-kumpanija u biex tiġi ffinanzjata showroom fl-Imsida.

L-Avukat Tonio Azzopardi, li qed jidher għall-kumpanija, kien qal li Delia ġiegħel lill-bank iħallsu direttament wara li Arcidiacono kien irrifjuta li jagħtih LM50,000 bħala success fee.

Fil-Qorti, Delia kien ċaħad dan u saħaq li hu ma talabx il-bank għall-flus. “Dakinhar tal-ħlas il-klijent kien miegħi u ċ-ċekk inħareġ mill-bank. Il-klijent kien jaf li kelli nitħallas mill-ewwel u l-bank kellu lista ta’ persuni li ried iħallas. Xogħli kien li nassisti lill-klijent tiegħi biex jieħu s-self, jitħallsu l-kredituri u tiġi ffinanzjata l-proprjetà.”

Madanakollu Arcidiacono baqa’ jinsisti li ċ-ċekk finali, li nħareġ f’isem Delia, ma sarx fil-preżenza tiegħu. 

More in Politika