Il-Knisja b'surplus ta' €3.5 miljun tul l-2019 ... tbassar telf sostanzjali minħabba l-pandemija

Il-Knisja qed tbassar telf li jvarja bejn €6 u €8 miljun sal-aħħar tal-2020 minħabba l-effett tal-pandemija

Michael Pace Ross
Michael Pace Ross

Il-Knisja rreġistrat surplus ta’ €3.5 miljun għas-sena finanzjarja 2019 u dan wara li rreġistrat defiċit ta’ €137,000 fl-2018.

Ir-rapport kien ippreżentat mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi Michael Pace Ross li spjega kif is-surplis kien riżultat ta’ aktar dħul mill-investimenti tal-Knisja u anke mill-Bank APS.

Fil-fatt, id-dħul għall-2019 żdied b’€2.42 miljun.

Pace Ross spjega wkoll kif is-surplus tas-sena li għaddiet kien biżżejjed biex il-Knisja tlaħħaq mal-isfidi kkawżati mill-pandemija u tkompli bil-ħidma tagħha.

Spjega kif minħabba l-pandemija, id-dħul għall-Knisja naqqas drastikament mis-setturi kollha, fosthom mill-fundraising, id-donazzjonijiet u l-investimenti. Fil-fatt, skont l-estimi, il-Knisja qed tbassar telf li jvarja bejn €6 u €8 miljun sal-aħħar tal-2020 minħabba l-Covid-19.

In-nefqa tal-Knisja għas-sena li għaddiet kienet ta’€4.8 miljun. 60% tan-nefqa totali kienet għall-pagi tal-kleru u persuni impjegati mal-Knisja u 20% għall-operat.

In-nefqa żdiedet b’€1.17 miljun fuq l-2018.

B’kollox, il-Knisja ħallset €1.4 f’taxxi.

Xogħlijiet ta’ restawr ukoll ħallew l-effett tagħhom hekk kif il-Knisja rreġistrat żieda ta’ 47% fin-nefqa tagħha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ manutenzjoni, ir-restawr u l-konservazzjoni.

More in Politika