'Jekk il-Ministeru jinsisti li jiftaħ l-iskejjel b’dawn in-numri, il-UPE se tieħu l-passi neċessarji'

Il-Unjin għall-Edukaturi Professjonali kkritikat il-fatt ma kinitx ikkonsultata dwar il-linji gwida ppubblikati mill-Ministeru għas-sena skolastika li ġejja

Il-Unjin għall-Edukaturi Professjonali saħqet li ma kinitx ikkonsultata dwar il-linji gwida ppubblikati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni kemm f’każ li l-iskejjel jifħtu u anke jekk le.

Fi stqarrija, l-UPE saħqet li kienet ikkonsultata darba biss, ftit wara li ngħalqu l-iskejjel iżda minn dakinhar il-Ministeru ma reġa’ qatt ikkonsulta magħha.

Il-linji gwida jagħtu direzzjoni f’każ ta’ tliet xenarji:

L-iskejjel jiftħu b’mod normali

Ovvjament dan ix-xenerju huwa possibbli biss jekk il-każi ta’ COVID-19 jinżlu drastikament. “F’Marzu li għadda, meta ngħalqu l-iskejjel, in-numri kienu ħafna inqas,” saħqet il-UPE.

Għalhekk, il-unjin qed tisħaq li n-numri ta’ Marzu għandhom isegwu bħala benchmark, anke għax dawn kienu biżżejjed ta’ riskju biex ingħalqu l-iskejjel.

“Jekk il-Ministeru jinsisti li jiftaħ l-iskejjel b’dawn in-numri, il-unjin se tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tissalvagwardja l-membri tagħha.”

L-iskejjel jiftħu b’roster għall-istudenti

Il-UPE saħqet li dan ix-xenarju mhux realistiku anke għax se joħloq kaos fost il-ġenituri biex dawn isibu ma' min iżommuhom meta ma jkunux l-iskola.

“Jumejn skola fil-ġimgħa żgur li mhux biżżejjed biex tgħaddi

l-materjal kollu li hemm bżonn biex tgħaddi għas-sena ta’ wara,” saħqet il-UPE waqt li wissiet li dan jista’ joħloq “blackout” fl-edukazzjoni tat-tfal li se jkollu riperkussjonijiet fil-futur.

Fi kliem il-unjin, dan ix-xenarju huwa possibbli biss jekk l-edukaturi jaħdmu għal sigħat itwal u l-UPE mhux lesta taċċetta dan anke għax imur kontra l-ftehim kollettiv.

L-iskejjel jibqgħu magħluqa u t-tagħlim isir online

Dan huwa xenarju simili għal dak li ġara fl-aħħar xhur. Il-UPE ma għandha xejn kontra dan it-tagħlim iżda ma taqbilx mal-Ministeru li tagħlim isir live, anke għax, fi kliemha, il-filmati jkunu jistgħu jintużaw “b’mod malizzjuż.”

Il-UPE temmet tgħid li dawn il-mistoqsijiet kollha tagħha u anke n-nuqqas ta’ qbil ma’ ħafna mill-punti li ħabbar il-Ministeru, huma prova ta’ kemm dan ma kkonsultax mal-edukaturi u l-għalliema.

Reazzjoni tal-Ministeru

Intant, kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, f'kummenti ma' dan is-sit, qal li l-Gvern beħsiebu jiftaħ l-iskejjel b'effett mit-28 ta' Settembru, 2020 sabiex it-tfal imorru lura għan-normalità.  

Insista li naturalment, xorta waħda jsiru l-preparamenti tas-sillabu skont id-diversi xenarji stabbiliti internazzjonalment.  

"Id-dokumenti li qed tirreferi għalihom il-UPE kienu ġew ippubblikati fil-bidu ta' Lulju li għadda u kienu gew imħejjija minn edukaturi u ntbagħtet ċirkulari lill-edukaturi kollha biex jagħtu l-feedback tagħhom fuq dawn id-dokumenti marbuta mas-sillabu. Kif digà ingħad, il-Ministeru qed jaħdem fuq il-premessa li l-iskejjel jiftħu fit-28 ta' Settembru li ġej imma hi r-responsabbiltà tal-Ministeru li jkun imħejji mil-lat ta' sillabu għal kull mudell skont xenarji stabbiliti internazzjonalment," intista l-kelliem.

 

 

More in Politika