Analiżi | L-għaqda li għandu bżonn il-PN: Imma min jista' jkun l-aġent tagħha?

L-għaqda huwa l-aktar ingredjent nieqes imma l-aktar li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista.  Min jista' verament iġib l-għaqda mill-aktar nies papabbli għall-kariga ta' Kap bħalissa?

L-aktar ħaġa li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista hija l-għaqda.  Issa nafu li l-PN ħa jibda triq għall-elezzjoni tal-Kap. Imma kif se jsib l-għaqda li tant għandu bżonn?  Min se jagħtih din l-għaqda?  Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn min minn nies li qed jissemmew bħala l-aktar probabbli li se jieħdu lill-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, jista' forsi jgħaqqad lill-partit. 

Delia jista' jgħaqqad lill-PN?

Taħt it-tmexxija tiegħu l-partit fil-fatt inqasam - tort tiegħu jew le.  Din il-qasma llum jagħrfuha u jammettuha ħafna fil-partit, inkluż nies bħal Justin Schembri li huwa favur Delia u li ammetta dan ma' din il-gazzetta l-Ħadd li għadda. 

Fl-aħħar tliet snin sezzjoni tal-partit li mhix żgħira u li issa qed joħroġ ċar illi ma tinkludix biss lis-soltu nies (Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami ...) mhijiex kuntenta b'Delia u tridu jwarrab.  Naturalment hemm ħafna raġunijiet li jissemmew għal din l-iskumdità. 

Hemm min jgħid li dan għax Delia ġie minn barra u mhux minn katina ta' persuni li kellhom għeruqhom u isimhom sinonimi mal-partit (in-narrativa hija dawn huma l-establishment).  Jingħad illi dawn ma aċċettawx xi ħadd ġdid u minn hemmhekk għamlulu ħafna bsaten fir-roti, b'kollox jikkulmina fl-attentat (sa issa ta' suċċess) biex jitneħħa minn kap ta' partit. 

Hemm min jgħid li kienu l-istejjer ta' Daphne Caruana Galizia li għamlulu l-aktar ħsara:  L-istorja dwar kont f'Jersey marbut ma' flus minn ċirku ta' prostituzzjoni, l-akkużi u allegazzjonijiet dwar nies madwaru kif ukoll id-dikjarazzjonijiet relatati ma' ħlas ta' taxxa.   Naturalment ukoll il-mod kif hu wieġeb meta deher li tilef il-kalma waqt attività partikolari u indirizzaha bħala 'biċċa blogger' għen biex tissaħħaħ l-idea li hu kien kontra l-ġurnalista. 

Il-qtil tagħha - għalkemm huwa ċar mill-informazzjoni li ħarġet sa issa li hu m'għandu eba rabta miegħu - ma tantx għen lanqas, anzi.  Kien hemm min ħass li l-assasinju ta' Caruana Galizia kien dak il-punt ta' bidla fix-xenarju politiku Malti, speċjalment meta rriżulta li kien hemm konnessjonijiet bejn il-qtil u Yorgen Fenech u rabta bejn dan u Keith Schembri.  Iżda minflok beda jieħu r-ruħ il-PN baqa' jnaqqas il-popolarità u tilef elezzjoni (Tal-Parlament Ewropew) b'distakk ta' 42,000 vot u l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali b'distakk akbar. 

Hemm min jgħid li din l-iskumdità tmur oltrè u hija marbuta ma' klassi u anke mal-inkwiet familjari li kellu ma' martu Delia - forsi għax jaraw li Delia huwa ħafna inqas konvenzjonali milli suppost ikun Kap tal-PN .

Hi x'inhi r-raġuni huwa stat ta' fatt illum li hemm ġerħa fonda li qed taqsam parti mill-partit minn ieħor - xi ħaġa anke ċara fis-surveys. Fis-sondaġġi jidher ċar li hemm tliet gruppi ta' votanti Nazzjonalisti (ibbażat fuq dawk li vvutaw PN fl-2017):  Dawk li tilfu l-interess li huwa l-akbar grupp, dawk favur Delia u dawk favur Comodini Cachia (sa dak iż-żmien il-kandidati l-oħrajn ma kinux għadhom issemmew) li huma tal-istess daqs. 

Dan jagħmilha diffiċli ħafna biex Delia jkun l-aġent tal-għaqda għaliex il-qasma hija fonda u hu jirrapreżenta fazzjoni u sezzjoni ta' Nazzjonalisti.  Kemm idum Kap hu se jkun diffiċli li l-PN jerġa jingħaqad. 

Therese Comodini Cachia tista' tgħaqqad lill-partit?

Comodini Cachia ma kinitx viżibbli ħafna fil-partit, għajr diskorsi fil-Parlament.  Iktar fil-fatt kienet viżibbli fil-każ ta' Daphne Caruana Galizia hekk kif hija l-avukat tal-familja. 

Hi spiċċat fuq quddiem għaliex Claudio Grech iddeċieda li ma jixtiqx jkun il-magħżul tad-Deputati ribelli għal Kap tal-Oppożizzjoni wara li huma kienu deċidew li hu l-aqwa persuna għal din il-kariga. 

Comodini Cachia hija mara u allura minnha nnifisha din il-kandidatura hija storika kif tkun  storika jekk tirbaħ elezzjoni prospettiva.  Tidher determinata u hija politiku nadif u mingħajr passat li jista' jfixkilha. 

Imma dan biżżejjed biex tkun il-kandidat tal-għaqda?

Le.  Comodini Cachia tirrapreżenta lir-ribelli u allura għal dawk in-Nazzjonalisti li jappoġġjaw lil Adrian Delia - li forsi mhumiex eluf kbar, imma li lanqas huma eluf żgħar - din mhix aċċettabli.  Dawk li jħossuhom mweġġhħin b'dak kollu li ġara u qed jiġri fil-partit mhumiex se jaċċettaw lil xi ħadd li kien tant fuq quddiem biex jitneħħa Delia malajr.  Dan wieħed jista' jixhdu faċilment mill-kummenti, botti u anke kritika li qalgħet minn votanti nazzjonalisti fuq il-midja soċjali. 

B'Comodini Cachia  - fir-rigward ta' appoġġ għall-PN ma jidhirx li jista' jiżdied wisq u dak li jiżdied hemm ċans li jintilef minn naħa l-oħra.

L-isfida biex Comodini Cachia tkun l-aġent tal-għaqda hija kbira ħafna. 

Metsola tista' tgħaqqad lill-partit?

Roberta Metsola hija l-golden girl tal-Partit Nazzjonalista fi Brussell, u ħadet din il-prominenza bħala MEP meta Simon Busuttil kien elett Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni. 

Metsola kienet eletta darbtejn - fl-2014 u fl-2019, b'32,000  vot u 38,000 vot rispettivament u allura bl-akbar numru ta' voti mill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Bħal Comodini Cachia, Metsola tkun storika minħabba l-ġeneru - l-ewwel Kap mara ta' partit politiku kbir mill-Indipendenza u minn Mabel Strickland, il-Kap tal-Partit Kostituzzjonali Progressiv fil-50ijiet.  Sa qabel l-aħħar sondaġġ Metsola rreġistrat bħala waħda mill-favoriti għat-tmexxija tal-PN, kemm fuq dak ippubblikat fuq il-Maltatoday u anke dak ippubblikat fuq The Sunday Times. Skont dak ta' The Times Metsola hija fit-tielet post meta dawk li pparteċipaw kienu mistoqsija  min jaħsbu li għandu jkun il-Kap Nazzjonalista l-ġdid. 

Fuq dak tal-Maltatoday - li sar f'Diċembru - Metsola hija t-tieni preferuta għal din il-kariga.

Huwa mifhum li bħal fil-każ ta' Comodini Cachia ħafna mir-ribelli jkunu lesti jappoġġjawha.  Il-problema tqum meta niġu għan-nies li jappoġġjaw lil Delia. 

Minkejja li hija bil-wisq inqas parteċipattiva fl-imbuttatura biex jitneħħa Delia u minkejja l-appelli aktar konċiljatorji fl-aħħar xhur, jibqa' fatt li Metsola kienet waħda minn dawk il-persuni li vvutaw kontra Delia fl-ewwel istanza u drabi oħra.  Hija allura meqjusa minn fost bosta li hija parti minn dawk li qed jostakolaw lil Delia u allura din hija l-ewwel u probabbilment l-akbar problema tagħha. 

Kuntrarjament għal Comodini Cachia iżda Metsola ħadet pożizzjoni kemm attiva imma anke passiva fl-attentat ta' tneħħija ta' Delia.  Filwaqt li huwa vera li ivvutat kontra l-Kap Nazzjonalista huwa veru wkoll illi kienet nieqsa mill-kritika pubblika u fl-ebda ħin ma kienet fuq quddiem f'din il-ġlieda fil-partit. 

Dan jista' jkun ifisser li jekk issir elezzjoni u tkun eletta hi Kap tal-PN - hemm ċans li l-ġrieħi jfiequ u d-differenzi jonqsu ħafna iktar malajr milli kieku tirbaħ Comodini Cachia. 

Bernard jista' jgħaqqdu lill-partit?

Bernard Grech huwa l-kandidat il-ġdid minn fost dawk li ssemmew sa issa.  Bħal Delia fl-2017 huwa barra l-istrutturi tal-PN għalkemm mhuwiex kompletament wiċċ ġdid bħal ma kien Delia fl-2017,  meta kważi ħadd ma kien sema' bih fid-dinja politika.  Grech huwa wiċċ familjari fuq l-istazzjon televiżiv tal-PN, kien indirzza mass meeting nazzjonalista ta' Ħal Balzan fl-aħħar elezzjoni ġenerali u riċentement tkellem ukoll f'attività li tfakkar lil Daphne Caruana Galizia. 

Mill-ftit li nafu dwar dan il-kandidat sa issa jidher li huwa persuna b'oratrija tajba u allura kapaċi jgħaddi l-messaġġ  tiegħu b'mod ħafna aktar effettiv.  Huwa wkoll persuna nadifa u onestà, bi ftit - probabbilment - skeletri fil-gwardarobba.  Grech - bħal Therese Comodini Cachia wkoll - huwa minn Birżebbuġa, avukat u jidher li  huwa bniedem viċin in-nies. 

Għal waħda minn dawn ir-raġunijiet jew xi oħrajn jidher li hemm entużjażmu għal Grech minn fost sezzjoni tal-għeruq.  Minn naħa l-oħra Manuel Delia, persuna prominenti f'Repubbluka, diġa' urew appoġġ għal Grech. 

Grech għandu l-iżvantaġġ li huwa relattivament ġdid għall-istrutturi, imma mbagħad il-vantaġġ li huwa qatt - attivament jew le - ma kien parti mit-tentattivi biex jitneħħa Delia u pubblikament qatt ma kkritikah.  Dan ifisser li b'taħlita ta' dawn iż-żewġ fatturi Grech huwa probabilment l-aktar kandidat li jista' jasal nofs triq. 

Is-sentiment fost diversi li huma "ta' Delia" jinħass li huwa illi Grech jista' jkun it-tieni għażla wara l-Kap kurrenti. 

Dan ma jfissrix li awtomatikament huwa l-kandidat tal-għaqda.  Ħafna se jiddependi fuq il-komportament tiegħu f'dawn il-jiem - kemm jekk ser issir elezzjoni għal Kap Nazzjonalista ġdid u anke jekk għalissa le (wara kollox jista' jkun kandidat wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss).  Ħafna se jiddependi fuq x'se jwiegħed li jagħmel b'Delia jekk ikun Kap Nazzjonalista - se jagħtih kariga?  U x'kariga se jagħtih?  Jew se jagħtih il-ġenb b'mod assolut? Dan se jkun determinanti ħafna għal kemm Grech iwassal għal din l-għaqda. 

Jekk iwiegħed li jżommu, dawk li huma kontra Delia jafu jiddarsu u jekk iwiegħed li jneħħieħ, ta' Delia jiddarsu huma. 

Minkejja li prima facie jidher li huwa Bernard Grech l-aġent tal-għaqda, se jkun hemm ħafna nases u mumenti tal-prova li jpoġġu lil Grech fid-dawl  tal-attenzjoni, li jaf joħorġuh bħala persuna marbuta żżejjed ma' fazzjoni jew oħra.

More in Politika