Ristorant wieħed intalab jagħlaq wara li nstab jikser il-protokolli

Sa issa l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ċċertifikat 1,340 stabbiliment hekk kif instabu konformi mal-protokolli mħabbra biex titrażżan l-imxija tal-COVID-19

Minn kemm ilhom li reġgħu fetħu r-ristoranti u l-barijiet, wara ġimgħat magħluqa minħabba l-pandemija tal-COVID-19, stabbiliment wieħed biss kien ordnat jagħlaq il-bibien tiegħu u dan wara li nstab li kien qed jikser ħafna mill-protokolli imposti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex dawn l-istabbilimenti jkunu jistgħu joperaw f’ambjent sigur.

Il-Ministeru għat-Turiżmu kkonferma dan mal-gazzetta ILLUM li staqsietu jekk il-protokolli li daħlu fis-seħħ ftit tal-ġimgħat ilu, meta reġgħu fetħu r-ristoranti u anke l-barijiet, għadhomx jgħoddu u dan anke għax qarrejja wrew it-tħassib tagħhom li hemm min illaxka u ma għadux qed isegwi dawn il-protokolli.

Fit-tweġiba bil-miktub, kelliem għall-Ministru Julia Farrugia Portelli insista li l-protokolli għall-istabbilimenti tal-ikel għadhom fis-seħħ tant li l-pubbliku għadu jista’ jsibhom fuq is-sit tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Spjega kif il-protokolli, ippubblikati l-ewwel darba f’Mejju, ġew aġġornati fil-5 ta’ Ġunju fejn primarjament il-bdil kien fin-numru ta’ persuni fi grupp wieħed li jistgħu jpoġġu fuq mejda. Minn sitta, dan tela’ għal għaxra min-nies. Dan ifisser li mwejjed ta’ aktar minn għaxar persuni mhux suppost qed ikunu aċċettati.

Riċentament ukoll kien hemm tliet tibdiliet oħra li jippermettu l-użu taż-żoni tal-logħob fuq ġewwa, servizz ta’ buffet assistit u anke t-tneħħija tar-restrizzjoni fuq tipjip għal distanza minima ta’ għaxar metri minn fejn ikun servut l-ikel.

Il-proċess tal-għoti taċ-ċertifikati għadu għaddej...

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienet ħarġet ċertifikati lil dawk l-istabbilimenti li jkollhom il-protokolli kollha f’posthom. L-ebda ristorant jew bar ma jista’ jopera jekk ma jkollux dawn iċ-ċertifikat.

Il-Ministeru spjega kif dan il-proċess tal-għoti taċ-ċertifikati, li huwa proċess ta’ awditjar, fil-fatt għadu għaddejj. B’kollox, sal-Ħadd 26 ta’ Lulju, ingħataw 1,340 ċertifikat.

L-għan prinċipali hu li nedukaw lill-operaturi ... mhux nikkastigawhom’

Farrugia Portelli kienet ċara fi kliemha meta qalet li jekk ikun hemm stabbilimenti li jinqabdu għal aktar minn darba jiksru dawn il-protokolli, ir-ristorant se jkun mitlub jagħlaq minnufih. 

Mistoqsi jekk kienx hemm każi simili, il-kelliem għall-Ministeru spjega mal-ILLUM kif kien hemm stabbiliment wieħed illi ġie magħluq għaliex instab li ma kienx qed josserva ħafna mill-protokolli. Wara diskussjonijiet, ġew implimentati l-protokolli kollha u l-istabbiliment tħalla jiftaħ mill-ġdid il-bibien tiegħu.

Il-Ministeru spjega kif il-proċess tal-ispezzjonijiet beda fil-ġimgħat li għaddew u jibqa’ għaddej sa tard bil-lejl kuljum, inkluż is-Sibtijiet u l-Ħdud.

“Skont il-politika tal-Gvern, l-għan prinċipali hu li nedukaw lill-operaturi. B’hekk jekk jinstabu nuqqasijiet żgħar, l-attenzjoni tiġi miġbuda bla riperkussjonijiet. Min-naħa l-oħra jekk jinstabu numru konsiderevoli ta’ nuqqasijiet għall-ewwel darba, l-operatur qed jiġi mwissi b’ittra uffiċjali. Jekk wara spezzjonijiet sussegwenti l-istess stabbiliment jinstab illi mhux qed josserva l-protokolli, iċ-ċertifikat jitneħħa u tittieħed azzjoni ulterjuri mill-MTA,” spjega il-kelliem.

Il-Ministeru appella lil dawk kollha li jinnutaw xi nuqqasijiet f’xi wieħed minn dawn l-istabbilimenti biex iċemplu fuq il-helpline 216922447

X’inhuma wħud mill-protokolli li l-istabbilimenti tal-ikel għandhom isegwu?

  • Kull min għandu post fejn jista' jservi l-ikel barra, għandu juża dan il-post. Minn għandu ġewwa u barra, jista' juża barra biss. Min ma għandux post barra biss jista' juża ġewwa
  • Minn dahar tas-siġġu għal dahar ta’ siġġu ta’ mejda oħra jrid ikun hemm distanza ta' metru, jiġifieri distanza ta’ żewġ metri bejn mejda u oħra. Jekk fuq ġewwa, minn dahar ta’ siġġu għal dahar ta’ siġġu fuq mejda oħra, irid ikun hemm distanza ta' żewġ metri, jew inkella tliet metri minn mejda għall-oħra
  • Il-waiters u kull min iservi lill-klijenti jrid ikun liebes maskra/visor
  • Sauces, ketchups, bżar u melħ u affarijiet oħra ma jistgħux ikunu fuq il-mejda. Għaż-żmien li ġej se jintużaw biss dawk disposable.
  • Klijenti jridu jiddiżinfettaw idejhom qabel jidħlu u anke meta joħorġu mir-ristorant
  • Il-pożati jistgħu jintużaw. Dawn għandhom jitpoġġew f'pakketti apposta
  • Self-dispensers ma jistgħux jintużaw, ħlief dawk tas-sigaretti u ATMs. Ħdejhom irid ikun hemm hand sanitiser
  • It-tindif irid isir mhux biss fuq il-mejda iżda anke fuq is-siġġijiet. Ħadd ma jista' jpoġġi fuq mejda jew siġġu qabel ma jiġu mnaddfa
  • Menus ma jistgħux ikunu forma ta' ktieb iżda jridu jkunu kartella waħda li tintrema wara li tintuża. Jista' jintuża tablet li wara jitnaddaf

More in Politika