Is-sit illum.com.mt jinsab infurmat li l-każ pożittiv li qed ikun attribwit għall-Iskolasajf tal-Pietà huwa każ ta' cleaner li ma kellu l-ebda sintomi u li mar jagħmel it-test għax kien mar il-festa ta' Santa Venera.
Sorsi infurmati sew mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u li tkellmu ma' dan is-sit insistew li ma hemmx lok għall-allarm għax il-cleaner, li jaħdem ma' kuntrattur privat, ma kellu l-ebda kuntatt dirett mal-istudenti u lanqas mal-edukaturi.
Bħalissa fuq il-midja soċjali qed idur avviż biex l-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi jmorru jagħmlu t-test. Anke jekk dejjem tajjeb li wieħed jagħmel test, anke jekk ma jkollux sintomi (kif wara kollox dejjem appellaw l-awtoritajiet tas-saħħa), f'dan il-każ ma jidhirx li hemm lok għall-allarm.
"Il-cleaner ma kellux sintomi. Mar jagħmel it-test għax kien mar il-festa ta' Santa Venera. Ovvjament ma marx aktar l-iskola u bħala miżura ta' prekawzjoni, il-cleaners kollha kollegi tiegħu ntalbu ma jmorrux l-iskola u jmorru jagħmlu test," spjegaw is-sorsi.
Mhux qed ikun eskluż li biex jonqos aktar ir-riskju, il-cleaners l-oħra, anke jekk jirriżultaw negattiv, għalissa jintalbu jibqgħu d-dar u ma jmorrux l-iskola sakemm jgħaddi l-perjodu ta' inkubazzjoni tal-virus.
Is-sorsi fakkru li l-ambjent fi Skolasajf huwa sigur u qed jittieħdu l-miżuri kollha ta' prevenzjoni u mitigazzjoni, fosthom it-teħid tat-temperatura qabel ma persuna tirfes l-għatba tal-iskola.