'Mewġa oħra tal-COVID se tkun devastanti' - Il-Kamra tal-SMEs titlob azzjoni immedjata

Tinsisti li dak li ġara kien prevedibbli u seta’ ġie evitat

“Mewġa oħra tal-COVID se tkun devastanti. Din il-kwistjoni trid tkun indirizzata bi professjonalità u b’urġenza.”

Saħqet dan, fi stqarrija, il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji li appellat biex malajr kemm jista’ jkun l-awtoritajiet jibdew diskussjonijiet mas-settur privat biex ikunu stabbiliti standards li jnaqqsu r-riskju fl-attivitajiet kollha li jiġu organizzati.

Insistiet li n-negozji mhumiex kontra li jkun hemm kontrolli sakemm dawn ikunu raġonevoli. Fi kliemha, dak li qed jiġri bħalissa, qed iħalli impatt negattiv fuq in-negozji, l-ekonomija u l-impjiegi aktar minn kemm jistgħu jagħmlu r-restrizzjonijiet. 

Il-Kamra saħqet li s-settur tat-tiġijiet u anke tal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet għandhom bżonn aktar direzzjoni li tagħtihom iċ-ċans jippjanar għall-futur mingħajr il-biża’ li l-awtoritajiet se jistennew sakemm ikun tard wisq u mbagħad jispiċċa jidħol fis-seħħ lockdown informali.

“Dak li ġara kien prevedibbli u seta’ ġie evitat,” saħqet il-Kamra.

Insistiet li l-interessi ekonomiċi u ta’ saħħa mhumiex avversarju iżda jridu jaħdmu flimkien għal soluzzjonijiet aħjar.

More in Politika