30 infermier fi kwarantina; L-MUMN tisħaq li l-Gvern mhux jirrispetta l-ħaddiema tas-saħħa

Fl-aħħar jiem Malta rat żieda sostanzjali fil-każi ta' COVID-19 u dan wara l-party Holiday Takeover u anke wara marċ fil-festa ta' Santa Venera

Il-President tal-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel, Paul Pace kiteb fuq Facebook jisħaq kif 30 infermier u infermiera spiċċaw fi kwarantina, 'il bogħod mill-familji u t-tfal tagħhom wara l-aħħar żieda fil-każi ta' COVID-19.

Pace insista li dan kollu huwa tort tal-attivitajiet tal-massa li tħallew isiru.

"Ma hemmx rispett lejn il-ħaddiema tas-saħħa, sur Prim Ministru," kiteb Pace fuq Facebook.

Fl-aħħar jiem Malta rat żieda sostanzjali fil-każi ta' COVID-19 u dan wara l-party Holiday Takeover u anke wara marċ fil-festa ta' Santa Venera. 

Dawn waslu biex bdew jiżdiedu wkoll il-każi sporadiċi, jiġifieri dawk il-każi li ma jkunu marbuta mal-ebda cluster u li ma jkunx ċert minn fejn setgħu ħadu l-virus.

Minkejja l-pressjoni fuq il-Gvern u anke azzjonijiet industrijali mit-tobba, sa issa la l-Prim Ministru u lanqas il-Ministru għas-Saħħa ma lissnu kelma dwar jekk hux se jidħlu fis-seħħ restrizzjonijiet dwar l-attivitajiet tal-massa.

Diversi organizzaturi ta' avvenimenti u anke diversi każini tal-banda, inkluż dawk tal-Ħamrun, ta' San Duminku tal-Belt, ta' San Pietru ta' Birżebbuġa, tas-Salvatur ta' Ħal Lija u ta' San Girgor ta' Tas-Sliema kollha ħassru l-attivitajiet li kellhom ippjanati.

Madanakollu bejn l-aħħar ta' Awwissu u nofs Settembru Malta se tkun qed tospita erba' festivals internazzjonali li mistennija jattiraw l-eluf.

More in Politika