Norma Saliba se tieħu post Reno Bugeja bħala Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS

Riċentament hija kienet qed tokkupa l-kariga ta’ Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fl-Uffiċċju tal-President

Norma Saliba
Norma Saliba

Il-Bord tad-Diretturi tal-Public Broadcasting Services Limited approva unanimament il-ħatra tas-Sinjura Norma Saliba bħala l-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet u Editur Reġistrat tal-mezzi tax-Xandir Pubbliku.

Norma Saliba hija ggradwata b’Baċellerat fl-Istudji Kontemporanji Mediterranji u b’Masters fl-Istudji Ewropej. Għandha aktar minn 20 sena esperjenza fil-ġurnaliżmu, kemm mal-istazzjoni nazzjonali u anki ma’ stazzjonjiet privati.

Bdiet il-karriera bħala ġurnalista sportiva meta kellha 16-il sena u fl-2004 ingħaqdet mal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS bħala ġurnalista u newscaster.

Il-karriera ġurnalistika esponietha għal diversi opportunitajiet, ewlenin fosthom kienet il-ġurnalista li rrappurtat b’mod estensiv l-avvenimenti li seħħew Malta u barra għall-istazzjon nazzjonali fi żmien il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE fl-2017; ippreżentat u pproduċiet diversi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fosthom TVAM għal tliet snin wara xulxin u rebħet diversi unuri fl-IGM Awards.

Fl-2017 kienet l-ewwel mara li mexxiet l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) u meta kienet studenti universitarja nħatret bħala l-ewwel Chairperson tal-għaqda tal-media Insite.

Matul il-karriera ħadmet ukoll fil-qasam tal-fondi Ewropej (2008) u mal-MEUSAC (2011-2013).

Riċentament hija kienet qed tokkupa l-kariga ta’ Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fl-Uffiċċju tal-President.

Filwaqt li jawgura kull suċċess lis-Sinjura Saliba fil-kariga l-ġdida tagħha, il-Bord sellem u rringrazzja lis-Sur Reno Bugeja għall-ħidma tiegħu fix-Xandir Nazzjonali tul diversi snin, kif ukoll għat-tmexxija tal-Kamra tal-Aħbarijiet fl-aħħar snin.

More in Politika