Il-BBC b'rapport dwar it-tħassib ta' bosta hekk kif f'Malta se jsiru erba' festivals internazzjonali

Ir-rapport jisħaq kif minkejja li l-pjanijiet għas-sajf tħassru għal bosta Malta rat kif ħatfet din l-opportunità u attirat lejha erba' festivals internazzjonali

Rapport ippubblikat dalgħodu fuq is-sit tal-BBC jirreferi għat-tħassib li qed isir mhux biss minn Maltin iżda anke minn barranin dwar erba’ festivals internazzjonali li se jkunu qed isiru f’Malta bejn Awwissu u Settembru.

Ir-rapport jisħaq kif minkejja li l-pandemija tal-COVID-19 irrovinat il-pjanijiet ta’ bosta għal dan is-sajf, “pajjiż wieħed,” jiġifieri Malta, “ħataf din l-opportunità.”

Fil-fatt ir-rapport jisħaq kif għaddej ġmielu r-reklamar tal-festivals Rhythm + Waves, Escape 2 the Island, BPM Festival u Mi Casa li se jġibu Malta artisti bħalma huma Chase & Status, Aitch, AJ Tracey u Fatboy Slim

Madanakollu, ir-rapport jippubblika wkoll tħassib ta’ bosta paġni fuq Twitter li kollha qed jisħqu li parties ta’ dan it-tip f’nofs pandemija mhumiex f’lokhom.

L-istess rapport jikkwota lil Nicky Spiteri, mill-kumpanija 365 Entertainment li qed torganizza dawn il-festivals, li mal-BBC qal li l-Maltin huma kuntenti li se jilqgħu dawn il-festivals.

“It-turiżmu huwa importanti ħafna għall-ekonomija tagħna. Il-lukandi, ir-ristoranti, ix-xufiera tat-taxis u anke l-clubs qed ifaħħru ħafna dawn il-festivals. Dawn jistgħu jsalvawhom,” insista Spiteri.

Fl-aħħar jiem, wara l-party Hotel Takeover, Malta rat żieda sostanzjali fil-każi ġodda ta’ COVID-19 b’diversi assoċjazzjonijiet mediċi jappellaw lill-Gvern biex iwaqqaf l-attivitajiet tal-massa minnufih jew Malta tirriskja li titlef ir-riżultati pożittivi li kisbet fl-aħħar xhur fil-ġlieda kontra l-pandemija.

Aqra wkoll:

More in Politika