Tkun irresponsabbiltà kbira jekk il-PM jibqa' jinsisti li kollox huwa business as usual' - PN

Qal dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri waqt li appella biex il-pajjiż jibqa' viġilanti għax il-pandemija għadha magħna

“Tkun irresponsabbiltà kbira min-naħa tal-Gvern u l-Prim Ministru Robert Abela jekk jibqa’ jinsisti li kollox huwa business as usual meta l-pandemija għadha magħna.” 

Hekk saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista wara l-aħħar żieda fil-każi ta’ COVID-19 f’Malta.

Spiteri, li huwa tabib, saħaq li pajjiżna għandu jibqa’ viġilanti għaċ-ċirkostanzi kif qegħdin jiżvolġu u dan hekk kif fil-midja internazzjonali qed ikun irrapportat kif pajjiżi oħra, fosthom Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit qed javżaw li jista’ jkun hemm xi forom oħra ta’ lockdown hekk kif partijiet mill-Ewropa qegħdin jippreparaw għal dik li tista’ tkun mewġa oħra tal-virus.

“Wieħed irid ifakkar li l-pandemija għadha magħna u dan l-istatus għadu ma ġiex irtirat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO). Hekk kif pajjiżna fetaħ l-ivvjaġġar lejn ammont ta’ pajjiżi u meta qegħdin isiru ammont konsiderevoli ta’ attivitajiet tal-massa, għandhom jiżdiedu l-appelli biex fi kwalunkwe ħin jibqgħu jiġu osservati b’mod rigoruż l-appelli u r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa,” insista Spiteri.

Huwa appella biex isiru l-isforzi kollha possibbli biex Malta tibqa’ tgawdi mir-riżultati tajbin li akkwistat fl-aħħar xhur.

More in Politika