Azzopardi b'abbozz ta' liġi biex l-użu tal-email privat għal xogħol tal-Gvern ikun punibbli b'ħabs

Azzopardi saħaq li ilu min-Novembru tal-2017 li ppreżenta dan l-Abbozz  lil Adrian Delia biex jagħtih permess jippreżentah iżda dan qatt ma wieġbu

Jason Azzopardi
Jason Azzopardi

Id-Deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, ippreżenta fil-Qorti abbozz ta’ liġi bil-għan li l-użu tal-emails mhux uffiċjali minn uffiċjali pubbliċi għal xogħol tal-Gvern, ikun meqjus att kriminali u punibbli bi priġunerija minn sena sa tmien snin.

Azzopardi, saħaq li huwa xokkanti li Joseph Muscat, meta kien Prim Ministru, innegozja l-ftehim magħruf bħala tal-Cafe Premier għal €4.2 miljun u għamel dan bl-użu privat tiegħu u mhux b’dak pubbliku.

“Ovvjament dan għamlu, u baqa' jagħmel hekk sa Jannar 2020 biex ma jħallix traċċi ta' għemilu. Tant kemm hu hekk li l-Awditur Ġenerali, fir-rapport tiegħu, ikkritika lil Muscat għal dan l-użu ta' emails privati għal xoghol uffiċjali li ma hallihx jinvestiga l-korruzzjoni f'dak il-ftehim f'iktar dettal,” saħaq id-Deputat.

Azzopardi saħaq li matul is-snin wara l-2017, sa din is-sena stess, sar magħruf kif diversi Ministru baqgħu jużaw l-emails privati għal xogħol tal-Gvern.

“Peress li jaħbi min għandu x'jaħbi, hu ċar li dan għamluh u jagħmluh biex meta jkun hemm investigazzjoni fuq xi għemil jew deċiżjoni korrotta tagħhom, il-provi ma jinstabux,” insista Azzopardi.

Skont Azzopardi, kien ilu min-Novembru tal-2017 li ppreżenta dan l-abbozz lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, biex jingħata l-permess jippreżentah u minkejja diversi tentattivi baqa’ bla risposta dwaru.

“Peress li jiena nemmen li dan l-Abbozz huwa deterrent qawwi kontra l-korruzzjoni, nemmen li ma nistax nibqa’ bla risposta u ddeċidejt li stennejt iżżejjed. Niddikjara li f’Novembru 2017, apparti dan l-Abbozz, jien kont ippreżentajtlu wkoll numru ta' Abbozzi ta' Liġijiet oħra li ktibt jien u li biex ktibthom għamilt għexieren ta' sigħat ta' riċerka u sagriffiċju. Anke fl-2019 ktibt oħrajn u li wkoll lanqas qatt ma ġew ippreżentati quddiem il-Grupp Parlamentari, aħseb u ara kemm tħallejt nippreżentahom,” insista Azzopardi.

Kien hawn li Azzopardi fetaħ il-kanuni fuq Delia u saħaq li wasal iż-żmien biex juri kemm sar xogħol minn wara l-kwinti u li iżda “baqa’ mistur biex tiġi mitmugħa l-gidba li ma tħallix jaħdem.”

Insista li hemm aktar abbozzi li se jkun qed iressaq ‘il quddiem.

More in Politika