COVID-19 | 'Bomba lesta biex tisplodi' - It-tobba jappellaw lill-Gvern biex ma jkunx populist

Il-MAM saħqet li se tiddikjara direttivi biex tipproteġi l-membri tagħha u l-familji tagħhom minn deċiżjonijiet 'meħuda f’isem il-profitt u l-populiżmu'

L-Assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta lit-tobba (MAM) appellat lill-Gvern biex immedjatament iwaqqaf l-attivitajiet tal-massa wara li fl-aħħar jiem Malta rat żieda sostanzjali fil-każi ta’ COVID-19 u dan wara l-party Hotel Takeover.

“Il-MAM tibża’ li għadna ma rajnix l-agħar,” tgħid l-istqarrija waqt li tinsisti li ma għandha l-ebda alternattiva oħra ħlief li tordna direttivi għall-membri tagħha.

It-tobba ddeskrivew il-ftuħ tal-ajruport lejn pajjiżi b’riskju għoli u anke l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet tal-massa bħala bomba lesta biex tisplodi. Appellat biex id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq l-evidenza xjentifika u mhux fuq konsiderazzjonijiet populisti.

Il-MAM ikkundannat bla riserva l-eżempju mogħti wara li ġie organizzat kunċert mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn ma kien hemm l-ebda distanza soċjali kif qed ikun irrakomandat mis-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika.

Ikkundannat ukoll lill-Ministeru għat-Turiżmu li qed jirriklama biex jattira kunċerti u parties li se jiġbdu miljuni ta’ turisti lejn Malta.

“Sal-lum l-ebda pajjiż tal-UE mhu qed jawtorizzza l-attivitajiet tal-massa filwaqt li ħafna pajjiżi qed jikkunsidraw kontrolli eħrex fuq l-ivjaġġar,” komplew it-tobba.

“L-idea li mexxejja politiċi qed jgħidu lil Maltin li l-COVID għadda u li għalhekk jistgħu jagħmlu li jridu mhuwiex aċċettabbli,” tisħaq l-istqarrija, bit-tobba jisħqu li dawn għandhom jifhmu li jistgħu jinżammu responsabbli jekk aktar nies jimirdu u jmutu.

Kien għalhekk li l-MAM saħqet li ma għandha l-ebda għażla oħra għajr li tiddikjara direttivi biex tipproteġi l-membri tagħha u l-familji tagħhom minn deċiżjonijiet “meħuda f’isem il-profitt u l-populiżmu.”

Fl-istqarrija l-MAM ma ħabritx x'se jkunu dawn id-direttivi.

More in Politika