Il-Baġit tal-UE għal Malta ta' €2.25 biljun huwa 'ġust u għandu sinjifikat kbir'

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-Baġit Ewropew se jfisser "aktar investiment fl-ekonomija, l-ambjent, l-agrikoltura ... "

Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela

Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet f'Kastilja llejla l-Prim Ministru Robert Abela qal illi l-Baġit ta' €2.25 biljun - miksub minn Malta wara sigħat ta' negozjati -  huwa "ġust" u "għandu sinjifikat kbir"  u qal li dawn ma jinkludux flus li huma self u huma biss allokazzjonijiet għal Malta.  Ifakkar illi dawn il-flus se jfissru investiment għat-tħaddir tal-pajjiż u għall-ekonomija, fost oħrajn. "Dawn il-fondi se jwasslu biex inkomplu niġġeddu, nsaħħu l-investiment, inkomplu ninvestu fl-agrikolatura speċjalment l-iżvilupp rurali, is-sajd u l-akwakultura."  

Għall-agrikoltura biss, il-Gvern Malti kiseb €194 miljun mill-Baġit Ewropew u €327 miljun mill-Fond ta' Rkupru.  Dan il-fond fih flus li se jgħinu lill-ekonomija Maltija, illi bħalissa ħierġa mid-daqqa tal-pandemija Covid-19. 

Il-PM Abela qal illi minn dawn il-flus, €1.9 biljun se jkunu fondi taħt il-Framework Annwali u allura l-baġit tradizzjonali tal-UE, li jfakkar illi huma €800 miljun aktar minn dak li kien inkiseb minn pajjiżna mill-Baġit Ewropew tal-2014 sal-2022, innegozjat mill-eks PM Lawrence Gonzi.  Huwa qal li l-Gvern iddeċieda illi 10% minn dawn il-fondi ta' Koeżjoni jmorru għal Ghawdex. 

Abela fakkar illi meta bdew dawn id-diskussjonijiet il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea kienet li Malta tirċievi €798 miljun u l-allokazzjoni żdiedet b'miljuni wara negozjar li baqa' sejjer sa kmieni dalgħodu.  

Il-PM temm ifakkar li minkejja din iż-żieda fil-flus allokati għal Malta mill-Unjoni Ewropea il-Prodott Gross Domestiku kien għadu qed jikber b'livelli baxxi ħafna ta' qgħad - żewġ fatturi li ġeneralment jaħdmu kontra l-għoti ta' aktar fondi. 

Intant l-armonazzjoni tat-taxxa ma kinitx parti mid-diskussjonijiet u Malta se tkompli ssostni  l-pożizzjoni tagħha.

 

More in Politika