Id-Deputati ribelli jgħidu li l-PN għandu għażla: 'Jew Kap rebbieħ jew wieħed diviżiv'

Id-Deputati ribelli - il-maġġoranza tal-Grupp Palamentari - jgħidu li għal Delia min jazzarda jesprimi opinjoni differenti minn tiegħu, "għandu jiġi mwarrab, mhedded u mgħajjar"

Adrian Delia, taħt pressjoni ma' taqta' xejn biex iwarrab
Adrian Delia, taħt pressjoni ma' taqta' xejn biex iwarrab

Fi stqarrija l-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti qalu illi t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għandha tkun waħda serja u li l-partit fl-oppożizzjoni għandu żewġ għażliet:  "Jew ikollu Kap tal-Partit li jgħaqqad u jagħmel il-partit wieħed żagħżugħ u rebbieħ, jew inkella jibqa’ b’Kap tal-Partit li jifred u li jrid joħnoq il-vuċi taż-żgħażagħ."

L-istqarrija kienet qed tagħmel referenza għal rapporti fuq The Malta Independent li jgħidu illi dawk li kkritikaw lit-tmexxija ta' Delia fl-MŻPN għandhom ikunu ddixxiplinati.  L-MŻPN saħansitra għamlet filmat, simili għal dawk li jsiru f'kampanji elettorali, illi fih żgħażagħ differenti qed jappellaw għal bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. 

"Adrian Delia qed joħloq il-firda fil-Partit Nazzjonalista minflok jassumi r-responsabbiltà politika u jwarrab bil-kwiet. Għal Adrian Delia, min jazzarda jesprimi opinjoni differenti minn tiegħu, għandu jiġi mwarrab, mhedded u mgħajjar.  Bil-kontra ta’ Adrian Delia, aħna rridu l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista. Aħna rridu li nies b’ideat u karattri differenti jiġu flimkien biex jerġgħu jagħmlu mill-Partit Nazzjonalista l-aqwa forza politika f’pajjiżna. Dan hu dak li qed jitlob u jistenna minna l-poplu Malti u Għawdxi." 

Id-Deputati Nazzjonalisti sostnew illi fl-aħħar jiem Delia kompla jifred lill-partit u elenkaw deċiżjonijiet li huma jgħidu illi wasslu għal din il-firda. 

"Aħna mhux biss noffru s-solidarjetà u l-appoġġ liż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, iżda qegħdin pubblikament nimpenjaw ruħna li ladarba sseħħ il-bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, iż-żgħażagħ jkunu fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista," temmet tgħid l-istqarrija ta' dawn id-Deputati, li jinkludu liż-żewġ MEPs tal-PN. 

More in Politika