L-akbar 'fazzjoni' fil-Partit Nazzjonalista hija dik 'Tan-Nofs' ... bejn Delia u Comodini Cachia

Minkejja narrattiva popolari - ħafna Nazzjonalisti la huma 'ta' Delia' u lanqas huma 'ta' kontrih' ... l-aħħar sondaġġ xjentifiku juri li hemm dawk fin-nofs, jekk nistgħu nsejħilhom 'il-fazzjoni tan-nofs'  - li huma la kontrih imma lanqas favurih!

Dawn l-aħħar ġimgħat smajna ħafna diskors dwar fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista u liema minn dawn il-fazzjonijiet hija l-akbar, jekk hux dik li qed tappoġġja lil Adrian Delia jew inkella dik ta' kontrih.  Fil-verità, b'fatti numeriċi issa mhux konġetturi, l-aħħar sondaġġ xjentifiku ppubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday juri illi l-akbar fazzjoni fil-PN hija dik tan-nofs, li la hija kontra Delia pero' lanqas favurih.  Ħarsa ħafifa lejn in-numri mill-ewwel juri dan. 

Mistoqsijin lil min jafdaw jekk hux lil Adrian Delia jew lill-PM u Mexxej Laburista Robert Abela, kważi nofs dawk li vvutaw PN fl-2017 qalu li ma jafdaw lill-ebda wieħed.  Din turi qasma ċara fil-Partit Nazzjonalista u turi wkoll kif minkejja kull argument il-kontra nofs il-votanti Nazzjonalisti m'għandhomx fiduċja fil-Kap Nazzjonalista (li m'għandhomx fiduċja fil-PM hija kważi ovvja).  B'kollox 49.5% ta' dawk li vvutaw PN fl-2017 qed jgħidu illi m'għandhom fiduċja fl-ebda mexxej politiku. 

Agħar minn hekk, mistoqsijin jagħżlu bejn Delia u Abela 15.4% ta' dawk li vvutaw PN fl-2017 jgħidu illi jippreferu lil Robert Abela. 

Jekk inħarsu lejn dawn li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017  - grupp ta' nies akbar minn dawk li vvutaw PN - Abela jikseb kważi fiduċja assoluta, bi 98.2% jgħidu li għandhom fiduċja fih. 

is-sondaġġ staqsa wkoll lil min jippreferu dawk li vvutaw PN fl-2017 hux lil Robert Abela jew lil Therese Comodini Cachia. Ftit inqas, imma xorta ħafna, reġgħu baqgħu fin-nofs, b'46.5% jgħidu li la jafdaw lil Abela u lanqas Comodini Cachia. F'dan il-każ iżda jiżdiedu bi ftit (+1.7%) dawk li jgħidu illi jippreferu lil Abela minn Comodini Cachia.  B'kollox fil-fatt 17% qalu li jippreferu lil Abela minn dik li suppost kellha tkun l-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid. 

B'kollox huma minoranza ta' 32.7% ta' dawk li vvutaw PN fl-2017 li jafdaw aktar lil Adrian Delia minn Robert Abela u 31% li jafdaw aktar lil Therese Comodini Cachia mill-PM Robert Abela.

Jekk inħarsu lejn is-settur ta' votanti b'edukazzjoni terzjarja li - tradizzjonalment - ikun aktar allineat mal-Partit Nazzjonalista u kwistjonijiet li jimbutta hu (UE, governanza, korruzzjoni ...),  hawnhekk 40.6% qalu illi la jadaw lil Delia imma lanqas lil Abela.  Maġġoranza relattiva ta' 49.5% jgħidu li jafdaw aktar lil Robert Abela.  Minn naħa l-oħra 38% qalu li la jafdaw lil Comodini Cachia u lanqas lil Abela, għalkemm hawnhekk ukoll Abela jikseb maġġoranza relattiva ta' 48.3%,

 

More in Politika