Intervista | 'Ma kienx faċli insibu bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-konsumatur u dawk tal-linji tal-ajru'

Kienet parti minn task force dwar it-turiżmu, tirrispondi dwar l-immigrazzjoni, il-Libja, l-abort, in-nisa u aktar. L-ILLUM ma' Josianne Cutajar

'Il bogħod minn dak li qed iseħħ fil-Partit Nazzjonalista din il-ġimgħa din il-gazzetta intervistat, għall-ewwel darba, lill-Membru Parlamentari Ewropew (MEP) Josianne Cutajar  - Għawdxija li ħarġet għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għall-ewwel darba u ġiet eletta.

Fil-fatt l-ewwel mistoqsija tal-ILLUM kienet kif  - mill-unanimità tal-politika lokali spiċċat għamlet daqstant suċċess.  X'inhi r-riċetta għas-suċċess elettorali tagħha?

Hi tibda billi tgħid illi l-ewwel u qabel kollox hemm id-determinazzjoni  - minkejja li ħafna, anke hi, kienu jiddubitaw li titla' u kienu jgħidulha li din tista' tkun l-ewwel tarġa biex tkun kandidat għal elezzjoni ġenerali.  "Jiena kkontestajt għal dijn l-elezzjoni għax dejjem xtaqt nagħti servizz f'din il-pjattaforma - il-Parlament Ewropew - ma ħriġtx għal raġunijiet oħrajn jew qistha bħala tarġa."  Cutajar tgħid lil din il-gazzetta illi kandidat għandu jikkontesta elezzjoni għax nemmen li kapaċi jagħti servizz fl-entità li se jkun elett fiha, mhux bħala tarġa.

"Morna l-każini, il-pjazzez.  Bqajna qrib in-nies.. Ġieli qsamna bejn Malta u Għawdex erba' darbiet ..."

L-akbar  biża' tal-Għawdxin dwar il-mina ...

U la semmiet kemm kellha taqsam bejn il-gżejjer, din il-gazzetta ħatfitha fil-kelma u fakkritha fil-mina.  Il-kunċett huwa tajjeb - imma Josianne Cutajar temmen li l-prezz ambjentali li se jħallas pajjiżna huwa ġust għal xi ħaġa li jista' jkollha alternattivi oħrajn?  Taħseb li hemm alternattivi aħjar, minflok inkomplu neqirdu l-ftit li għad fadal?

"Il-qerda ambjentali u l-qerda tal-karatteristiċi li jagħmlu lil Għawdex dak li hi, hija l-akbar biża'.  Ħafna Għawdxin ma jridux li l-gżira ssir ġungla tal-konkrit.  Minn naħa l-oħra aħna nbatu minn insularità doppja u b'link permanenti hawn bosta li jkunu lesti jinvestu," sostniet Cutajar.  Hija żiedet tgħid li l-kunsiderazzjoni m'għandhiex tkun biss ekonomika imma fakkret li link permanenti jagħmel il-ħajja ta' pazjenti li jkollhom bżonn imorru għall-appuntament Malta iktar faċli.

Jekk hemm żewġ prinċipji: wieħed li ma tistax taqbel miegħu u l-ieħor li ma tistax ma taqbilx, is-soluzzjoni hija astensjoni. Astenjoni fil-Parlament Ewropew huwa vot minnu nnifsu

L-ILLUM tfakkar li kien hemm il-ħelikopter xi darba.

Tirrikonoxxi għalkemm tfakkar li ma kienx vijabbli.  "Il-mina m'għandhiex tiġi a skapitù ta' proġetti oħra.  Għandna nużaw aħjar l-ibħra ta' mdwarna ukoll.  Irridu naraw kif min se jagħmel ix-xogħol iħalli l-inqas impatt ambjentali."

Hija tammetti li kif inhu eżatt Għawdex mhux se jibqa', "imma dan il-proġett m'għandux ikisser il-karattersitika ta' Għawdex jekk ikollna pjan maħsub u fit-tul," tgħid Cutajar.

Imma hemm pjan maħsub u fit-tul?

"Jiena nemmen li l-pjan m'għandux ikun hemm biss fir-rigward tal-mina imma jkun hemm pjan b'mod kontinwu."

'J'Alla ma jkollniex bżonn mekkaniżmi għall-ugwaljanza'

Indawwru s-suġġett  - in-nisa u l-politika.  Taħseb li wasal iż-żmien li wieħed mill-partiti l-kbar f'Malta jkollu Kap mara  - biex ikollna PM jew Kap tal-Oppożizzjoni mara?

"Jiena nixtieq nara iva li jkollna nisa f'karigi għoljin, mhux neċessarjament Kap.  Għandna eżempju ċar ta' Ramona Attard li għadha kif inħatret President tal-Partit Laburista."

L-MEP fakkret li issa hemm ir-reserved seating mechanism, imdaħħal minn dan il-Gvern u li jaċċerta illi jkun bilanċ tas-sessi fil-Parlament.   Tisħaq ukoll li hemm bżonn illi n-nisa jkunu preparati sabiex in-numru ta' nisa li joħorġu għall-elezzjoni jkun akbar.

"J'Alla ma jkollniex bżonn dan il-mekkaniżmu u biż-żmien tiġi naturali li tintlaħaq l-ugwaljanza."

Naqbżu għall-immigrazzjoni - kwistjoni taħraq li dwarha l-MEPs Maltin jaqilgħu kritika - fosthom Josianne Cutajar li kienet astjeniet fuq vot dwar l-immigrazzjoni - xi ħaġa li xejn ma niżlet tajjeb lokalment.

X'taħseb li huma s-soluzzjonijiet?  Ma taħsibx li soluzzjoni bħal tal-Captain Morgan ma kinitx waħda tajba u li fil-fatt ma solviet xejn?

"L-immigrazzjoni ilna niddiskutuha snin twal.  Semmejna soluzzjonijiet li mhumiex fit-tul - fil-passat ukoll kellna soluzzjonijiet ta' rilokazzjonijiet mhumiex ippjanati u bla obbligu.  Jekk ma jkollniex pjan fit-tul mill-Unjoni Ewropea se nibqgħu hekk, kulħadd irid jara x'se jagħmel skont iċ-ċirkostanzi - bħal ma ġara waqt il-pandemija," fakkret Cutajar.

Waqt l-agħar tal-pandemija Malta flimkien mal-Italja għalqu l-fruntieri fuq il-premessa li minħabba l-Covid-19 Malta ma setgħetx tibqa' meqjusa bħala 'port sigur'.

Tfakkar illi se jiġi ippubblikat il-Patt tal-Immigrazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u li l-Ambaxxatur Ġermaniz għall-UE Michael Clauss "qal ċar u tond li jqis sistema mandatorja ta’ rilokazzjoni essenzjali fil-Ftehim il-Ġ̇did dwar il-Migrazzjoni – dan jawgura tajjeb fid-dawl tal-Presidenza Ġermaniza."

 Qalet ukoll li Malta tistenna iktar solidarjetà u tfakkar illi minn dawk li jiġu Malta 39% biss għandhom dritt għall-protezzjoni u allura dawk li m'għandhomx dritt jkunu pajjiżna għandhom jintbagħtu lura.

Hija tgħid li dan mhux każ li għax ma rriduhomx imma każ ta' kemm tiflaħ Malta.  "Aħna qed naċċettaw numri għoljin ħafna meta tikkunsidra ras għal ras u tqabbel ma' pajjiżi oħrajn.  Għandna naraw kif il-proċess li permezz tiegħu min m'għandux dritt għal protezzjoni ikun ripatrijat, ikun aktar mgħaġġel."

Filwaqt li din il-gazzetta tfakkar li dan ilu jingħad - u taqbel - tfakkarha li l-problema hija wkoll ta' razziżmu, nuqqas ta' tolleranza u żoni li saru problematiċi minħabba żieda f'daqqa fil-popolazzjoni, sokor u nies li jispiċċaw, xi minn daqqiet mingħajr skop (idleness).

Hi taqbel u tikkundanna kull tip ta' razziżmu.  "it-tħassib tan-nies fi żmien il-pandemija jew it-tħassib fuq kemm pajjiż żgħir bħal tagħna jiflaħ ngħadru imma għandna nindirizzawh mhux ninfexxew ngħajjru u ninsulentaw.  Niftakru dejjem li l-valur tal-ħajja qiegħed hemm u għandu jkun rispettat dejjem."

Tisħaq li hemm bżonn ta' diskussjoni matura.

Issemmi l-astensjoni.

"Jekk hemm żewġ prinċipji:  wieħed li ma tistax taqbel miegħu u l-ieħor li ma tistax ma taqbilx, is-soluzzjoni hija astensjoni.  Astenjoni fil-Parlament Ewropew huwa vot minnu nnifsu," tgħid Cutajar.

Appellat biex qabel jiġġudikaw in-nies jkunu jafu għalfejn MEP kun astjena.

L-importanza ta' tisħiħ tal-Gwardja tal-Kosta Libjana

"Flimkien mar-rilokazzjoni mandatorja u l-impenn lejn riptarijazzjoni (li jidher li l-Kummissarju Ewropea qed tagħti ħafna prijorità minħabba li fuq tal-aħħar jidher li hemm kunsens ġenerali bejn il-pajjiżi membri), hemm ir-realta’ tas-sitwazzjoni fil-Libja," tgħid Cutajar mal-ILLUM.

Hija tfakkar illi Malta qed tagħmel din is-sejħa speċifika biex l-UE tgħin lill-pajjiżi Afrikani, biex l-immigranti ma jkollhomx għalfejn jitilqu minn pajjizhom, kif ukoll enfasi diretta fuq il-kunflitt Libjan. "Il-Prim Ministru Malti kien l-ewwel mexxej ta’ pajjiż Ewropew li żar il-Libja minn meta l-Gvern ta' Għaqda Nazzjonali (GNA) immexxi minn Sarraj beda jikseb aktar kontroll. Iċ-ċrieki kriminali li jitraffikaw il-bnedmin u li s’issa joperaw b’impunità max-xtajtiet Libjani, hekk kif jieħdu l-okkażjoni minn sitwazzjoni diżastruża ta’ sigurtà u infurzar riżultat tal-kunflitt, jistgħu jiġu ristretti jekk il-Gwardja tal-Kosta Libjana tkun imsaħħa."

Hija temmet tappella għal soluzzjoni Ewropea komuni dwar il-Libja li ddeskrivitha bħala "partikolarment kumplikata" għall-fatt li forzi Ewropej differenti jinsabu wara forzi opposti fil-Libja u jfornu l-armi bir-riżultat li l-kunflitt qajla jidher riesaq lejn tmiemu.

L-Abort:  'Jiena l-estremitajiet idejquni'

U ladarba qed issemmi kwistjonijiet jaħaqru bħall-immigrazzjoni u qed issemmi l-valur tal-ħajja, din il-gazzetta staqsietha dwar l-abort. Taqbel jew le?

Filwaqt li tirrikonoxxi li dan huwa suġġett sensittiv hi tgħid li jdejjaqha l-fatt li dan is-suġġet jippolarizza tant lil Maltin.  "Jiena l-estremitajiet idejquni.  Hemm bżonn diskussjoni matura ħafna fuq dan is-suġġett.  Fil-verità d-diskussjoni diġa' bdiet," tgħid Cutajar.

Filwaqt li tammetti wkoll li hija parti minn grupp politiku (Soċjalisti u Demokratiċi) li jaqbel mal-abort tgħid illi fuq dan is-suġġet hi tixtieq tagħmel żewġ punti.

Jiena xtaqt għax emmint li hekk huwa l-aħajr illi jinstab bilanċ u għalhekk l-airlines joħorġu vouchers u jieħdu nifs il-konsumaturi imma l-linja tal-arju wkoll

L-ewwelnett tgħid li m'għandniex niġġudikaw u nkissru persuna, għaliex bl-għajnuna tgħid illi tista' fil-fatt tgħin mara tevità li tagħmel abort.  Tfakkar ukoll li mara li tagħmel abort tkun trawmatizzata. Tinsisti fuq l-importanza tal-edukazzjoni sesswali filwaqt li tfakkar ukoll illi l-fatti qed juru li minkejja li huwa llegali f'pajjiżna nisa Maltin diġa' qed jagħmlu abort.

Hi kienet qed tirreferi għal statitstika li ħareġ kemm  il-Gvern Ingliż kif ukoll l-għaqda Woman on Web -  li jirreġsitraw persuni Maltin li għamlu abort fir-Renju Unit jew inkella li ordnaw pilloli abortivi.

Mal-ILLUM, Lara Dimitijevic kienet qalet illi għalkemm l-abort f’Malta jibqa’ tabù, mir-riċerka li għamlet il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, jirriżulta li f’Malta hawn bejn 300 u 400 mara li jew wettqu l-abort barra minn Malta jew inkella ordnaw il-pillola abortiva minn fuq l-internet.

Covid-19 u l-ivjaġġar: 'Ma kienx faċli issib bilanċ bejn il-konsumatur'

Induru għal suġġett ieħor: It-turiżmu.  Josianne Cutajar kienet parti mit-Task Force tal-UE dwar it-turiżmu.  Hija qalet illi dan it-task force kien, fost oħrajn, qed jimbutta għal soluzzjonijiet li mbagħad ġew adottati, tal-vouchers u l-posponiment ta' titjiriet kif ukoll il-perjodu ta' żmien li fih inti intitolat tieħu flusek lura ta' titjira li ġiet ikkanċellata.

"Ma kienx suġġett faċli dan għax inti l-liġi tal-UE tgħidlek li 'sebat ijiem wara kanċellament trid tieħu flusek lura tal-ħlas għall-vjaġġ u f'każ ta' package holiday trid teħodhom f'14-il jum. Issa f'dan il-każ ma kienx possibbli u kellek l-linji tal-ajru jfakkru li l-pandemija mhix tort tagħhom u jipprovaw minn kollox biex ma jfallux u minn naħa l-oħra l-konsumatur li kien ippanikkjat dwar flusu."

Hi tgħid li kien hemm, anke mill-S&D li telqu mill-pożizzjoni illi jiġri x'jiġri l-konsumatur l-ewwel u daqshekk. "Jiena xtaqt għax emmint li hekk huwa l-aħajr illi jinstab bilanċ u għalhekk l-airlines joħorġu vouchers u jieħdu nifs il-konsumaturi imma l-linja tal-arju wkoll."

Hija qalet illi b'hekk ġie aċċertat li dik il-linja tal-ajru tibqa' tagħti servizz u topera.

Qalet illi grazzi għal dan it-task force il-pożizzjoni tas-Soċjalisti traddbet ftit aktar u waslet għall-għarfien tal-bżonn ta' bilanċ.

Tispjega wkoll kif għaddej xogħol fuq id-Digital Services Act illi fiha qed tipparteċipa f'diskussjoni dwar l-użu ta' apps bħal Airbnb, Uber u oħrajn u kif dawn se joperaw dejjem aktar bi trasparenza.

Robert Abela, elezzjoni ġenerali u r-reputazzjoni ta' Malta

Wasalna fit-tmiem tal-intervista.  L-ILLUM tistaqsi kif tiġġudika lil Robert Abela u l-ewwel xhur tiegħu bħala Prim Ministru.  Hija tgħid illi dak ta' Abela kien bidu diffiċli bi sfidi kbar. "Minn sfidi kbar li ma kienx qed jistenna bħall-pandemija u diffikultajiet politiċi tal-pajjiż meta sar Prim Ministru, filwaqt li fl-istess ħin il-PM Abela kompla miexi b'kontinwità fl-oqsma ekonomiċi u soċjali."

Cutajar tgħid illi filwaqt li fil-Partit Laburista saret bidla fit-tmexxija u wara d-deċiżjoni kulħadd - skont hi -  beda jiġbed ħabel wieħed, "il-PN maqsum f'elf biċċa."

Ħierġa għall-elezzjoni?  "Ħafna qed jistaqsuni imma jiena nemmen bis-sħiħ li l-poplu vvutali biex nirrapreżentah  fil-Parlament Ewropew u nemmen li dan il-mandat għandi nagħmlu."

U fl-aħħar - ir-reputazzjoni ta' pajjiżna.  Kemm tħoss li hemm sħaba fuq pajjiżna? U kemm taħseb li nistgħu nnaddfu r-reputazzjoni?

Hi tammetti li kien hemm impatt ħażin fuq pajjiżna.  "Jiena nappella għall-policy makers, ġurnalisti u nies oħrajn biex nagħtu l-istampa kollha.  Jekk se nsemmu isem pajjiżna ejja nsemmu kollox, mhux il-pożittiv inħalluh barra. Insemmu ir-rikonoxximent li qed jieħu dan il-Gvern dwar ir-riformi fil-qasam tal-governanza u s-saltna tad-dritt, insemmu wkoll it-tifħir li qala' u għadu qed jaqla' fuq l-ekonomija u l-passi 'l quddiem fid-drittijiet ċivili."

More in Politika