Aġġornata | Rabja fost membri tal-MŻPN wara filmat ippubblikat mingħajr il-kunsens ta' kulħadd

Fil-filmat l-MŻPN jinsisti li biex il-PN ikun it-tarka tan-nies għandu bżonn 'tmexxija ġdida, serja u onesta

“Bħala l-vuċi taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista u anke ta' żgħażagħ li jridu jaraw Oppożizzjoni b'saħħitha, kredibbli u li ġenwinament tiddefendi l-interessi ta' ħafna nies li jħossuhom abbandunati minn tmexxija dgħajjfa, aħna dejjem tkellimna b'mod ċar.” 

Hekk saħaq il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) f’filmat li ġie ppubblikat illum biex iż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom dwar dak li jinsab għaddej bħalissa fil-Partit Nazzjonalista. Madanakollu, membri tal-MŻPN urew ir-rabja tagħhom, hekk kif għal darb'oħra, ma ġewx ikkonsultati dwar dan il-filmat.

“llum, il-Partit Nazzjonalista għandu għażla quddiemu. Għażla li bla dubju hi diffiċli, pero għażla li ser tiddefenixxi l-illum u l-għada tagħna,” insistew iż-żgħażagħ fil-filmat. Għalhekk fi kliemhom, mhux se jibqgħu siekta u jħossu li għandhom dmir jitkellmu għax saħqu li jekk mhux se jitkellmu se jrendu lilhom infushom kompliċi "ma’ min qed jagħmel il-ħażin."

“B'determinazzjoni u b'konvinzjoni rridu nqajmu l-Partit fuq saqajh, u rridu nixprunaw Oppożizzjoni li sservi ta' tarka għan-nies. Tarka għaż-żgħażagħ, għall-ħaddiema, għal-familji u għan-negozji. Tarka għal dawk kollha li jħossuhom bla Partit. Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn - u jixraqlu - li jkollu direzzjoni. Dan huwa possibli biss b'tmexxija ġdida, serja u onesta. Irridu nirbħu lura l-integrità, ir-rispett u l-kredibilità,” insistew iż-żgħażagħ.

Iżda immedjatament kien hemm membri li fuq Facebook ikkritikaw il-fatt li dwar dan il-filmat ma kinux ikkonsultati. Jean Carl Agius Castaldi u anke Jeremy Cardona saħqu li ftit tal-ġranet ilu, is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech ordna biex l-ebda fergħa jew kumitat fi ħdan il-PN ma jieħu deċiżjoni jew jagħmel xi stqarrija dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-Partit.

Għalhekk, it-tnejn li huma insistew li ma jaqblu xejn ma' dawn l-istqarrijiet tal-MŻPN.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-MŻPN ħareġ stqarrija mingħajr il-kunsens tal-membri kollha tiegħu, inkluż tal-eżekuttiv tiegħu stess. Il-gazzetta ILLUM kienet irrapportat kif stqarrija li kienet titlob għar-riżenja ta' Adrian Delia ma kinitx ġiet approvata mill-eżekuttiv tal-MŻPN u kien hemm membri li lanqas ġew infurmati li se tkun ippubblikata stqarrija.

Video is unavailable at this time.

More in Politika