L-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Joe Saliba lura fil-PN biex jagħti l-pariri lil Delia

Minkejja li sorsi qrib Delia jikkonfermaw li qed jagħti pariri u jikkonfermaw il-preżenza tiegħu fid-Dar Ċentrali, Saliba jiċħad u jgħid li ma jridx ikollu sehem 'fil-ġlied u manuvri interni li ħakmu lill-Partit Nazzjonalista'

Joe Saliba wara r-rebħa tal-PN fl-2008
Joe Saliba wara r-rebħa tal-PN fl-2008

Joe Saliba reġa' qed ikun id-Dar Ċentrali u qed jiltaqa' ma' Adrian Delia bħala konsulent tiegħu, għalkemm mhux ċar jekk għal dan ix-xogħol hux qed jieħu xi forma ta' ħlas.  L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista mhuwiex l-ewwel persuna veterana li ssejħet lura biex tgħin lill-Partit Nazzjonalista f'dawn il-ġimgħat ta' inkwiet u taqlib li jafu jaraw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista jitlef postu.  L-eks Ministru fil-Gvernijiet ta' Gonzi u kandidat mal-PN sa mill-1981 Ċensu Galea huwa l-President tal-Kunsill Ġenerali, minflok Kristy Debono, Louis Galea, eks Ministru fis-snin li matulhom kien PM Eddie Fenech Adami tpoġġa responsabbli mir-riforma tal-PN minn Delia nnifsu u Francis Zammit Dimech - elett Deputat fl-1992 u Ministru fil-Gvernijiet ta' Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi nħatar Segretarju Ġenerali, minflok Clyde Puli.

Jidher li Saliba qed jagħti lil Delia pariri dwar kif għandu jimxi fil-kriżi li ħakmet lill-PN bil-Grupp Parlamentari u anke l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista jisfiduċjaw lil Delia f'temp ta' ġimgħa.  Dan apparti li fost dawk li taw sehemhom fl-aħħar laqgħa tal-Eżekuttiv li sfiduċjat lil Delia kien hemm ukoll l-eks PM u eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi li ppropona elezzjoni ġdida għat-tmexxija tal-partit. 

Fost dawk li qalu illi Delia għandu jitlaq din il-ġimgħa kien hemm Louis Galea, l-eks Deputat Nazzjonalista Richard Muscat, l-eks Deputat Philip Mifsud, l-eks Deputat u membru tal-Eżekuttiv Micheal Axiak li ressaq il-mozzjoni ta' fiduċja fl-Eżekuttiv kif ukoll l-eks membru tal-Eżekuttiv tal-PN Chris Scicluna.  Ma' dawn, naturalment, jingħaqdu d-19-il Deputat u MEP li sfiduċjaw lil Delia, it-tmexxija tal-MŻPN u membri tal-Eżekuttiv li vvutaw kontrih.

Jidher li Saliba qed ikun f'kuntatt ħafna drabi ma' Delia fir-rigward ta' x'għandu u m'għandux jgħid waqt programmi u qed jikkomunika dirett mal-Kap Nazzjonalista bi ftit nies jafu bil-ħatra tiegħu bħala konsulent u n-natura ta' din il-konsulenza. 

Sorsi fid-Dar Ċentrali ikkonfermaw dan, għalkemm urew xettiċiżmu dwar kemm dawn il-pariri li qed jagħti qed iħallu frott. 

Din mhux l-ewwel darba li Saliba ntalab jagħti pariri għalkemm l-aħħar darba li kellem lill-Eżekuttiv tal-PN fl-2019 Saliba kien qal li m'hemmx ċans li l-PN jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss u sostna illi dan ma jistax iseħħ għax il-bażi ta' votanti Laburisti hija ferm ikbar u l-ġlied intern jagħmel is-sitwazzjoni agħar.

Sorsi kienu qalu lill-gazzetta Maltatoday illi hu kien qal illi l-fatt li kien elett David Casa fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew "hija xhieda tal-fatt li l-PN għandu bżonn jerġa' jibni kuntatt ma' dan is-settur ta' votanti li bagħatu messaġġ lit-tmexxija tal-PN billi vvutaw lil Casa."

Evidentement dan il-parir ma kienx segwit jew inkella ma ħalliex il-frott b'Casa jkun wieħed mid-19-il Deputat Nazzjonalista li vvutaw kontra Delia. 

Minkejja dan f'komunikat mal-ILLUM dalgħodu - wara li lbieraħ l-ILLUM ma stegħetx tilħqu permezz tat-telefon -  Joe Saliba ċaħad li qed jagħti pariri lil Delia u saħaq li hu ma jridx ikollu sehem fil-PN bil-mod kif inhu bħalissa. "Jien imdorri nahdem f'Partit Nazzjonalista ffukkat biss fuq għan wieħed: dak li joffri futur aħjar għal pajjiżna.  Il-ġlied u manuvri interni li ħakmu lill-PN iwasslu biss ghal suwiċidju politiku u jien ma rridx ikolli sehem f'dan."

Saliba jiċċara illi madwar xahrejn ilu, "jien gejt mitlub mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech biex nanalizza u ninterpreta data u sondaġġi u nagħti l-ħsibijiet tiegħi għal organizzazzjoni aħjar fil-Partit.  Francis Zammit Dimech kien issuġġerixxa ismi lill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista biex nibda nieħu ħsieb dawn iż-żewg affarijiet.  Meta bdew jinqalgħu problemi interni u ta' diżgwid, jien waqqaft l-involviment tiegħi għaliex sitwazzjoni bħal din taghmel biss ħsara lill-partit u tkissirlu kull prospett elettorali li jista' jkollu."
 

Min huwa Joe Saliba?

Joe Saliba nħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fl-1998, fl-aqwa żminijiet tal-Partit Nazzjonalista u fis-sena illi fiha Gvern Laburista ta' 22 xahar u b'maġġoranza ta' ftit iktar minn 7,000 vot waqa' u tilef l-elezzjoni bi ftit aktar minn 13,000 vot.  Saliba huwa meqjus bħala dak il-bniedem li mexxa b'suċċess il-kampanja politika ta' snin li kkulminat f'referendum fl-2003, li kien talab lill-poplu jagħżel bejn dħul ta' Malta fl-UE appoġġjata mill-PN jew 'partnership' propost mill-Malta Labour Party.  Ir-referendum intrebaħ mill-kamp tal-IVA bi ftit inqas minn 20,000 vot u elezzjoni sussegwenti intrebħet mill-ġdid mill-PN b'distakk ta' 12,000 vot fuq il-MLP. 

Saliba kien meqjus l-arkitett ta' dawn ir-rebħiet u allura wieħed mill-aqwa Segretarji Ġenerali li kellu l-PN. 

Minkejja dan ħafna jippuntaw is-swaba' lejh u jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tal-PN illum hija frott deċiżjonijiet li ħa hu, fosthom il-bini tad-Dar Ċentrali u self li ta Żaren Vassallo lill-Partit Nazzjonalista li kellhom jitħallsu lura - €250,000 b'kollox.  Wara li telaq minn Segretarju Ġenerali Saliba kien offrut impjieg ma' kumpanija ta' Żaren Vassallo - emcare360 flimkien mal-eks Kap Eżekuttiv tal-Enemalta David Spiteri Gingell li kien impjegat f'kumpanija oħra ta' dan id-donatur tal-PN.

Saliba dejjem ċaħad li hu ħalla lill-PN mgħerreq fid-dejn u qal illi fl-2008 ħalla l-finanzi f'sitwazzjoni tajba. Huwa qal illi meta telaq hu Media.Link u l-Eurotours kienu awto-suffiċjenti. Huwa kien qal illi l-għan kien li partijiet mid-Dar Ċentrali jkunu mikrija biex jipprovdu dħul għall-partit. 

Il-Partit Nazzjonalista akkumula dejn ta' madwar €34 miljun kienet żvelat il-gazzetta Maltatoday, bil-gazzetta ILLUM tiżvela kif dan id-dejn huwa maqsum fi tliet entitajiet u li €12-il miljun minnhom huwa dejn f'bolla mhux imħallsa, kontijiet tad-dawl u l-ilma u VAT

More in Politika