Il-Kummissarju Hyzler ma jilqax l-ilment ta' Delia: Is-safra ta' Muscat id-Dubaj ma kisritx etika

Il-Kummissarju tal-istandards George Hyzler jgħid illi l-mawra d-Dubaj ta' Joseph Muscat ftit qabel uirriżenja kienet imħallsa minn terzi li ma kellhom ebda interess kummerċjali jew politiku f'pajjiżna 

L-eks PM Muscat
L-eks PM Muscat

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li Joseph Muscat ma kisirx il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri meta siefer fuq żjara privata sad-Dubaj mal-familja tiegħu f’Diċembru tal-2019 - u allura meta kien diġa' ħabbar ir-riżenja tiegħu.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilmenti mingħand Timothy Alden u l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

L-ilmenti kienu jittrattaw dwar l-ispejjeż tal-vjaġġ, u jekk dawn l-ispejjeż ġewx imħallsa minn Joseph Muscat innifsu jew minn terzi. Il-Kummissarju stabbilixxa li l-ispejjeż tal-vjaġġ ma tħallsux minn Muscat iżda minn terzi. It-titjiriet swew madwar €21,000. Muscat ta spjegazzjoni dettaljata lill-Kummissarju għall-Istandards dwar l-għan tal-vjaġġ u min ħallas għalih. Il-Kummissarju ma sab ebda evidenza li kienet tikkontradixxi din l-ispjegazzjoni.  Muscat talab li d-dettalji li huwa ta lill-Kummissarju ma jitqegħdux fid-dominju pubbliku. Billi kien jidher li l-vjaġġ kien ta’ natura privata, ma kienx relatat ma’ xogħol uffiċjali tal-gvern u ma kienx jinvolvi ksur ta’ etika.

Il-Kummissarju aċċetta t-talba ta’ Muscat li ma jippubblikax dettalji dwar l-għan tal-vjaġġ u kkonkluda li min ospità l-vjaġġ ma setax kellu l-ħsieb li jinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ Muscat bħala Prim Ministru, billi huwa diġà kien ħabbar ir-riżenja tiegħu u kien fadallu biss ġimagħtejn fil-kariga. Muscat irriżenja minn Prim Ministru fit-13 ta’ Jannar 2020, għaldaqstant ma nkisirx ilKodiċi ta’ Etika għall-Ministri. Barra minn dan, min ospità l-vjaġġ ma kellu ebda interess f’leġiżlazzjoni quddiem il-Parlament u ebda interess kummerċjali f’Malta u għaldaqstant il-vjaġġ ma kisirx il-Kodiċi ta’ Etika tad-Deputati. 

More in Politika