L-Air Malta għadha qed tbigħ biss 16% ta' dak li kienet qed tbigħ fis-sajf tal-2019

Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru qed taħdem bi tliet ajruplani minn 10 u qed timla 63% minnhom għal dan ix-xahar

Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta għadha biss qed tbigħ 16% ta' dak li kienet tbigħ fis-Sajf 2019  - sena rekord għat-turiżmu f'Malta b'madwar 2.7 miljun turisti jiġu pajjiżna. Fil-fatt din qed topera biss tliet ajruplani minn 10 u l-bookings fuq dawn it-tliet ajruplani qegħdin ta' 65% għal Lulju, 45% f'Awwissu u 29% f'Settembru.

Dawn iċ-ċifri ippubblikati dalgħodu fuq il-gazzetta Business Today jirriflettu l-pass li bih ħafna linji tal-ajru madwar id-dinja qegħdin bil-mod, il-mod jirkupraw wara pandemija li rat ħafna ajruporti madwar id-dinja magħluqin u eluf kbar ta' titjiriet ikkanċellati.  

Rapport minn Airline Ratings tgħid li disa' mill-10 l-akbar swieq reġjonali qed jikbru.  Pajjiżi bħar-Renju Unit, Spanja, Franza, L-Istati Uniti u ċ-Ċina qed jaraw tkabbir ta' madwar 16%.  Ir-Renju Unit kien l-aktar suq li qed jikber bi tkabbir ta' 45% ġimgħa b'ġimgħa.  Is-suq tal-avjazzjoni Indjan ukoll sejjer tajjeb. 

Waħda mill-akbar problemi tal-linji tal-ajru kienet il-mewġa ta' talbiet għal rifużjonijiet minn nies li tilfu titjiriet waqt ix-xhur tal-pandemija, xi ħaġa li poġġa pressjoni kbira finanzjarja fuq kumpaniji li kellhom id-dħul finanzjarju ffriżat minħabba l-waqfien tal-industrija.  L-Air Malta kienet qalet illi sal-bidu ta' Ġunju 5,000 titjira kienu kkanċellati u kellha 40,000 talba għal posponiment jew rifużjoni.

More in Politika