'Il-PN għandu bżonn l-istabbilità u l-kredibilità u Delia dan ma jistax jagħtih' - Balzan

"Delia m'għandux rispett lejh innifsu u jrid iżomm postu, ikun xi jkun il-prezz politiku," jgħid l-Editur Maniġerjali tal-Mediatoday Saviour Balzan

Saviour Balzan
Saviour Balzan

Saviour Balzan, Editur Maniġerjali tal-Mediatoday sostna illi l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn l-istabbilità u l-kredibilità bħalissa u jisħaq illi Adrian Delia ma jistax jagħti - la waħda u lanqas l-oħra lill-PN.  Fl-artiklu tiegħu ta' kull ġimgħa ppubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday Balzan jisħaq illi l-Partit Nazzjonalista u dak kollu li qed iseħħ fih bħalissa saru "freak show" u "ċ-ċajta madwar il-mejda tal-ikel jew f'xi reunion ... l-uniċi kliem ta' konsolazzjoni għal Delia jinsabu fi ċrieki Laburisti li jitolbu illi Delia jibqa' f'postu għall-ġid tal-partit tagħhom."

Balzan jerġa jgħid illi hekk kif ħafna fil-PN telquh, speċjalment dawk li ilhom aktar fil-partit, Delia qed isib ruħu jibbattalja flimkien ma' alleat - li huwa l-Partit Laburista u l-midja tiegħu li qed tiddeskrivi lil dawk kontra Delia bħala "in-nies il-ħżiena".

Huwa jgħid illi minn mindu daret sezzjoni tal-Partit Nazzjonalista kontra Delia dan il-partit beda jiżżerżaq 'l isfel u qiegħed "f'periklu li jinqasam u għalhekk jinqatel kull ċans elettorali għaż-żmien li ġej."

"Delia m'għandux rispett lejh innifsu u jrid iżomm f'postu, ikun xi jkun il-prezz politiku," jgħid l-Editur Maniġerjali tal-Mediatoday.

More in Politika