'Id-deċiżjoni tal-President hija kontradittorja u qed tinjora l-preċedent' - Aquilina

Il-Professur Kevin Aquilina jinsisti illi d-deċiżjoni tal-President hija kontradittorja, tmur kontra l-kelma tal-Kostituzzjoni u tinjora - b'mod komplet  - il-preċedent ta' Charles Mangion/Joseph Muscat

Il-Professur Kevin Aquiluina
Il-Professur Kevin Aquiluina

"Id-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika tinjora preċedenti ... hija kontradittorja u tmur kontra l-kelma tal-Kostituzzjoni."  Hekk saħaq il-Professur u Dekan tal-Fakulta tal-LIġi Kevin Aquilina l-għada illi l-President iddeċieda illi minkejja illi Adrian Delia tilef l-appoġġ tal-maġġoranza tad-Deputati Nzzjonalisti, hu ma jistax ineħħieh minn Kap tal-Oppożizzjoni. Aquilina - wieħed minn dawk li fil-fatt tkellmu qabel il-President tar-Repubblika ddeċieda - qal illi ladarba l-President kien wasal għall-konklużjoni li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma kellux din il-maġġoranza kellu biss deċiżjoni waħda x'jieħu - li jneħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni. 

Aquilina jisħaq illi kieku beda jara illi jista' jkun hemm diffikultà kostituzzjonali seta' ħatar Kap tal-Oppożizzjoni  ad interim.  "Inkella se jkun qed imur kontra l-kelma tal-Kostituzzjoni, ladarba hu stess iddikjara illi l-Kap tal-Oppożizzjoni kurrenti m'għandux l-appoġġ tal-maġġoranza."

Aquilina, f'artiklu li qed jidher fuq The Malta Independent staqsa rettorikament: "Kif jista' l-President jistabbilixxi dan il-fatt u ma jiħux azzjoni fuqu? Il-President huwa 'l fuq mill-Kostituzzjoni issa?  Jista' jinjoraha lill-Kostituzzjoni?"

Aquilina qal illi d-deċiżjoni tal-President tinjora l-preċedent li diġa' kien jeżisti meta Charles Mangion kien Kap tal-Oppożizzjoni u Joseph Muscat Kap tal-Partit Laburista, sakemm dan ħa s-siġġu Parlamentari. Ifakkar li din is-sitwazzjoni damet ħames xhur.  "Jekk se noqgħodu fuq id-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika mela allura l-predeċessur tiegħu kien qed jikser il-Kostituzzjoni meta appunta lil Mangion bħala Kap tal-Oppożizzjoni."  Huwa iddeksriva bħala "stramba" illi l-President ma spjegax għalfejn mar lilhinn minn dan il-preċedent. 

Finalment Aquilina jgħid li l-President ma tax it-toqol meħtieġ għall-fatt li l-kariga ta' Kap tal-Oppożizzjoni hija primarjament kariga Kostituzzjonali, kuntrarjament għal dik ta' Kap ta' partit.  Huwa qal illi l-pożizzjoni tal-President hija kontradittorja għaliex ladarba Delia m'għandux maġġoranza ta' Deputati warajh messu tneħħa u minfloku tpoġġiet persuna oħra li tikkamnda l-fiduċja tad-Deputati tal-PN. 

 

More in Politika