Repubblika titlob azzjoni fuq deċiżjoni tal-Qorti biex tliet Ministri ma jkunux investigati fuq il-kuntratt mal-VGH

Repubblika tgħid li mhuwiex sew illi filwaqt li l-ġurnalisti jikxfu l-istejjer il-pulizija "torqod fuq il-provi" u l-Qrati "japplikaw il-liġi ħażin" biex - skont l-għaqda - jiġu protetti l-kriminali

L-għaqda Repubblika u l-avukat Andew Borg Cardona bagħtu ittra lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex ikun deċiż jekk il-Prim Imħallef għandux jipproċedi kontra l-Imħallef Giovanni Grixti wara li dan kien iddeċieda fil-Qorti - fi stadju ta' appell - illi t-talba ta' Repubblika sabiex l-eks Ministru Konrad Mizzi, l-eks Ministru Chris Cardona u l-Ministru Edward Scicluna jkunu investigati fuq il-kuntratt mal-VGH ma setgħetx tintlaqa'.

Repubblika tfakkar illi l-Imħallef Giovanni Grixti kien dakinhar qal li minħabba li Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna huma preżunti innoċenti ma kellhiex issir investigazzjoni fuq dak li ressqet lill-Qorti Repubblika dwar il-kuntratt bejn il-Gvern u l-VGH. L-Imħallef Grixti kien qal li Repubblika ressqet informazzjoni li kienet ippubblikata fil-midja u minħabba f’hekk skreditaha - tinnota l-istqarrija maħruġa minn Repubblika.

"Iżda issa l-Awditur Ġenerali ikkonferma l-akkużi li għamlet Repubblika li l-kuntratt mal-VGH kien maħdum qabel biss ħareġ it-tender. It-termini tal-kuntratt kienu miftiehma biex terbaħ żgur il-VGH. Allura Ministru Konrad Mizzi hu responsabbli ta’ dawn il-manuvri skond l-Awditur Ġenerali u kif allegat fil-qorti Repubblika," tgħid l-istqarrija li ssotni illi bl-aġir tiegħu l-Imħallef Giovanni Grixti "ipproteġa l-impunità ta’ Konrad Mizzi. Fl-istess ħin, kompla d-dewmien li bdiet il-pulizija meta ma investigatx l-informazzjoni li ħarġet bl-investigazzjonijiet ġurnalistiċi ta’ Daphne Caruana Galizia."

Repubblika allegat illi hu ċar li d-dewmien biex tiġi applikata l-liġi hu minnu nniffsu "kollaborazzjoni mal-kriminali biex jeqirdu l-provi li l-istat għandu bżonn biex iwassalhom għall-ġustizzja."

L-istqarrija ttemm tinsisti li mhux sew li l-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti jikxfu l-korruzzjoni u mbagħad - skont Repubblika -  "il-pulizija – bħal m’għamel Ian Abdilla, bl-ammissjoni tiegħu stess – jorqdu fuq il-provi u l-Qrati – bħal m’għamel Giovanni Grixti – japplikaw il-liġi ħażin biex iħallu l-politiċi korrotti u kriminali jiżgiċċaw il-ġustizzja."

More in Politika