Se jibqa' Kap tal-Oppożizzjoni minkejja li l-maġġoranza tad-Deputati tal-PN kontrih

B'16 li sfiduċjawh, astensjoni waħda u 10 favurih - Adrian Delia għalissa se jibqa' Kap tal-Oppożizzjoni għaliex huwa Kap tal-Partit Nazzjonalista

Adrian Delia u ħdejh il-President tar-Repubblika
Adrian Delia u ħdejh il-President tar-Repubblika

Il-President tar-Repubblika George Vella qal illi minkejjja 16-il Deputat kontrih, 10 favurih u Deputat li astjena Adrian Delia se jibqa' Kap tal-Oppożizzjoni għaliex dan huwa Kap tal-Partit Nazzjonalista.  Dan ħabbru wara aktar minn 36 siegħa ta' stennija dwar x'se jiġri minn Delia li tilef l-appoġġ ta' 17-il Deputat u żewġ MEPs f'vot intern tal-Grupp Parlamentari. 

Din hija l-opinjoni u l-verdett tal-President tar-Repubblika b'mod intier:  

"Minn dan l-eżercizzju rriżulta li mit-28 Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni, 16 iddikjaraw li m’għadx għandhom fiduċja f’Dott. Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. 11 il-Membru ddikjaraw li għandhom fiduċja f’Dott. Delia. Kien hemm membru parlamentari wieħed li stqarr li huwa ried jastjeni.  Dan ir-riżultat ikkonferma l-fatt li Dott. Adrian Delia kien tilef l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-Partit fl-Oppożizzjoni li għandu l-akbar forza numerika fil-Kamra.  L-Artikolu 90 (4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jgħid:

‘Jekk, fil-ġudizzju tal-President, membru tal-Kamra tad-Deputati li ma jkunx il-Kap tal-Oppożizzjoni, ikun sar il-Kap fil-Kamra tal-Partit fl-Oppożizzjoni li jkollu l-akbar forza numerika fil-Kamra jew, skont il-każ, il-Kap tal-Oppożizzjoni jkun temm milli jkollu l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta’ membri foppożizzjoni’ għall-Gvern, il-President għandu jħassar il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni.’

Minkejja li din l-isfiduċja fl-ebda ħin ma ġiet iddikjarata jew irreġistrata fil-Kamra minn dawn il-membri, jibqa’ l-fatt li l-figuri kkonstatati minni, jagħtuni l-konfort, li dak mitlub mill-Art. 90 (4), jiġifieri t-telfien tal-appoġġ tal-maġġoranza fil-Kamra, jeżisti, u fil-ġudizzju tiegħi huwa bażi biżżejjed biex wieħed jikkontempla kif japplika l-Artikolu 90 (4).

Qabel wieħed jiddeċiedi, irid iqis l-istadji li jsegwu wara li jittieħdu ċerti deċiżjonijiet.

Fil-każ li jiġi deċiż li titħassar il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti, tqum mill-ewwel il-mistoqsija dwar min se jkun, jew jista’ jkun dak jew dik li tokkupa din il-pożizzjoni.

Il-Kostituzzjoni fl-Artikolu 90 tgħid li: ‘Għandu jkun hemm Kap tal-Oppożizzjoni’.

 Dan ifisser li dan ir-rwol kostituzzjonali ma jistax jitħalla battal; għall-anqas mhux għal xi żmien twil.

Meta wieħed jibda biex iqis fiċ-ċirkostanzi preżenti, min jikkwalifika għal din il-ħatra, irid jiġi kkunsidrat l-Artikolu 90 (2), li jgħid:

‘Kull meta jkun hemm lok għal ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, il-President għandu jaħtar -

  1. Jekk ikun hemm Partit tal-Oppożizzjoni wieħed li l-forza numerika tiegħu fil-Kamra tad-Deputati tkun akbar mill-forza ta’ kull partit ieħor ta’ oppożizzjoni, il-Membru tal-Kamra tad-Deputati li jkun il-Kap ta’ dak il-partit; jew…’

Dan is-subartikolu jagħmilha ċara li r-rwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata lill-Kap tal-Partit li jkollu l-akbar forza numerika ta’ membri fl-Oppożizzjoni għall-Gvern. Jispeċifika wkoll li dan japplika ‘Kull meta jkun hemm lok għal ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni’.

 Hi x’inhi l-interpretazzjoni ta’ dan is-subartikolu minn esperti kostituzzjonali, żgur li fil-każ preżenti, jekk jiġi deċiż li l-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti jiġi mneħħi mill-kariga, minkejja li jkun għadu fil-fatt Kap tal-Partit tiegħu, kif imsemmi f’dan is-subartikolu, ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, għalih li jusufruwixxi minn dan il-provvediment.

Jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jitneħħa mill-kariga bis-saħħa tal-Art 90 (4), u immedjatament, jew aktar tard, jiġi maħtur mill-ġdid Kap tal-Oppożizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 90 (2), u ċ-ċirkostanzi ma jkunux inbidlu, tkun qiegħda tinħoloq sitwazzjoni anomala li żgur mhux dak li tixtieq il-Kostituzzjoni, u lanqas ma jkun fl-ispirtu tal-kostituzzjoni. Artikoli u subartikoli fil-Kostituzzjoni, u aktar u aktar fl-istess kapitolu, u fl-istess artikolu, mhumiex intiżi u lanqas mistennija li jikkontradixxu lil xulxin fit-twettiq tagħhom.

Il-kunsiderazzjoni li xi ħadd ieħor, f’dan il-każ membru li jkun sar il-Kap fil-Kamra tal-Partit tal-Oppożizzjoni li jkollu l-akbar forza numerika fil-Kamra, u li jkollu l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta’ membri f’oppożizzjoni għall-Gvern, imma li ma jkunx il-Kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni, ukoll issib diffikultajiet, għaliex filwaqt li n-nomina mill-ġdid ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li jkun għadu kemm tneħħa tmur kontra l-ispirtu tal-kostituzzjoni, din l-għażla tmur manifestament kontra l-kelma u l-ittra tal-kostituzzjoni.

Jidher ċar li din is-sitwazzjoni toħloq imblokk legali u kostituzzjonali.

Jekk jiġi deċiż li l-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti tiġi mħassra, imma ma jkunx possibbli li dan ir-rwol kostituzzjonali jiġi mimli skont il-liġi, jirriżulta f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm Kap tal-Oppożizzjoni. Din is-sitwazzjoni ma tkunx tenibbli fit-tul u lanqas ma hija mixtieqa f’demokrazija.

Id-dilemma qiegħda bejn li wieħed jimxi mal-kelma tal-Kostituzzjoni u joħloq sitwazzjoni li tmur kontra l-Kostituzzjoni, jew li jikkunsidra s-sitwazzjoni preżenti bħala waħda speċjali u jadotta miżuri speċjali.

 

Għalhekk fil-ġudizzju tiegħi minkejja li Adrian Delia tilef l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta’ membri parlamentari f’oppożizzjoni għall-Gvern, biex ir-rwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ma jibqax vakanti, Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni għaliex għadu jgawdi l-pożizzjoni ta’ Kap ta’ dan l-akbar partit fl-oppożizzjoni.

Għalhekk din id-deċiżjoni għalissa twaqqaf id-diskussjoni dwar min għandu jew għandha, jiġi jew tiġi maħtur jew maħtura bħala l-Kap il-ġdid tal-Oppożizzjoni, inkluż il-proposta tal-Membri Parlamentari fl-Oppożizzjoni li naħtar lil Therese Commodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li ma toħnoqx li titkompla diskussjoni sana dwar x’miżuri jistgħu jittieħdu biex din is-sitwazzjoni tikkoreġi ruħha.

Il-President huwa dejjem attent għal kull żvilupp li jista’ jseħħ.

Fid-dixxerniment tiegħi żammejt ukoll f’moħħi li kwalunkwe deċiżjoni finali li nasal għaliha tkun tirrispetta l-ħarsien tal-andament demokratiku u l-ambjent seren li wieħed irid jara jirrenja fil-Parlament tagħna u fil-pajjiż inġenerali.

Is-sitwazzjoni li nħolqot bit-talba lill-President biex jikkunsidra l-implikazzjonijiet tal-fatt li numru maġġoritarju ta’ Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni wrew nuqqas ta’ fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni hija bla preċedent. Wieħed jawspika li jittieħdu miżuri, u jseħħu żviluppi li jgħinu biex tiċċara aktar is-sitwazzjoni.

Każi speċjali bħalma għandna quddiemna, jimmeritaw trattament speċjali fejn jista’ jiġi invokat il-Prinċipju ta’ Neċessità.

In-neċessità li jkompli jkun hemm kontinwità fit-tħaddim tas-sistema parlamentari tagħna, tiġġustifika fl-opinjoni tiegħi l-bżonn li wieħed jiddipartixxi mill-kelma miktuba tal-Kostituzzjoni.  Jiena konxju u nħoss l-obbligu u r-responsabbiltà li nħares l-istabbiltà u l-kontinwità fil-pajjiż."

More in Politika