Intervista | ‘Partit hijacked minn erba’ min-nies li jaħsbu li għandhom xi jedd speċjali’

Għad għandu 19-il sena imma jaf jitkellem daqs l-akbar politikant. Ilu mill-2016 jimmilita fil-Partit Nazzjonalista u fejn ikun Adrian Delia, x’aktarx se tara lilu. Beda mill-Kumitat Sezzjonali tal-Mosta u kompla jaħdem f’Team Start, il-fergħa fi ħdan il-PN għaż-żgħażagħ li għandhom inqas minn 18-il sena. Il-gazzetta ILLUM tmur id-Dar Ċentrali u tpoġġi bilqiegħda ma’ Thomas De Martino.

Thomas De Martino
Thomas De Martino

Il-politika taffettwa lil kulħadd mhux biss lill-adulti jew lill-avukati. Dan jinkludi liż-żgħażagħ. Kemm jekk fil-PN u anke fil-PL, importanti li jkun hemm l-involviment taż-żgħażagħ fil-politika biex ikun hemm ilħna li jirrappreżentaw lilhom.” Hekk beda jisħaq mal-gazzetta ILLUM Thomas De Martino, wiċċ żagħżugħ u ġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. L-ILLUM iltaqgħet miegħu u tibda tistaqsih dwaru nnifsu u għaliex minn tant affarijiet, għażel li jidħol fil-politika. 

Fi kliem De Martino, ħadd daqs iż-żgħażagħ infushom ma jista’ jifhem l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħhom. “Adulti jistgħu jifhmu dak li jridu ż-żgħażagħ imma ħadd ma jista’ jpoġġi ‘l quddiem politika li tolqot direttament liż-żgħażagħ, ħlief iż-żgħażagħ infushom,” saħaq De Martino.

Kompla jisħaq li għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad, iż-żgħażagħ jitkellmu ħafna fuq il-politika, għax fi kliemu, biex titkellem fuq il-politika, ma jfissirx li trid titkellem fuq il-PN jew fuq il-PL.

“Mhux ħafna żgħażagħ jitkellmu fuq Adrian Delia u Robert Abela, iżda ħafna żgħażagħ jitkellmu kif mhux qed ilaħħqu bl-istipendju, kif it-trasport pubbliku mhuwiex effiċjenti, ħafna jitkellmu dwar it-traffiku u l-ambjent, dwar il-fatt li ż-żgħażagħ taħt it-18-il sena ma għandhomx fejn imorru jiddevertu, dwar l-abbuż mid-droga u dwar il-kostruzzjoni bl-addoċċ. Iż-żgħażagħ mhux bilfors qed jitkellmu dwar l-aħmar u l-blu imma jitkellmu ħafna fuq it-temi li fl-aħħar mill-aħħar huma politiċi,” saħaq De Martino.

De Martino huwa esponent tal-PN iżda jaħseb li fadal iż-żmien għall-politika partiġġjana? Ma jaħsibx li f’Malta ffissati wisq fuq il-PN u l-PL? Ma jeħodhiex bi kbira. Fi kliemu, il-polarizzazzjoni hija frott il-fatt li aħna Mediterranji u f’kollox irridu ndaħħlu r-rivalità. “Anke f’sempliċiment festa. L-iċken raħal ikollu żewġ każini. Aħseb u ara fil-politika,” insista De Martino.

Saħaq li hu ma jaqbilx ma’ min, għax ikun għamel xi ħaġa l-PL, u għax huwa Nazzjonalist, jara kollox ħażin u viċi-versa. “Ir-rivalità mhijiex għal kollox ħażina. Li jkun hemm ċertu rivalità bejn żewġ partiti, min se jagħmel l-aħjar politika, min se jolqot l-aktar nies, min se jifhem aktar ir-realtajiet tan-nies ... hemm ir-rivalità tkun pożittiva għax bħal għandek inċentiv biex dejjem toffri l-aħjar. Jekk iż-żewġ partiti dejjem ikunu għassa fuq xulxin, it-tnejn li huma se jipprovaw joffru l-aħjar,” saħaq De Martino.

Mill-banda l-oħra insista li r-rivalità tista ssir għadu meta tintuża biex wieħed ikisser lill-ieħor. “Ir-rivalità għandha tkun hemm biex tgħinha ntejbu lil xulxin. Jekk il-PL ippropona xi ħaġa li jiena ma naqbilx magħha mhux nattakkaha u daqshekk imma nipprova nippreżenta xi ħaġa li hija ħafna aħjar,” insista De Martino. “Ħares lejn pajjiżna. Ara kemm imxejna ‘l quddiem mill-Indipendenza ‘l hawn. Flimkien tejjibna l-pajjiż. Ara kemm tista’ tagħmel affarijiet, speċjalment meta ż-żewġ partiti jibnu fuq it-tajjeb ta’ xulxin.”

Jien mhux qiegħed hawn għax nammira l-istorja tal-PN. Mhux qiegħed hawn qisni qiegħed f’mużew. Qiegħed hawn għax ċert li l-PN fadallu x’joffri Thomas De Martino

Għaliex daħal fil-PN meta jaf li l-Partit jinsab għarkupptejh?

L-ILLUM tistaqsih għaliex għażel il-PN għax ngħiduha kif inhi, ma daħalx fih fl-isbaħ żminijiet? De Martino jibda jgħid kif hu qatt ma jiftakar lill-PN fl-aqwa żminijiet tiegħu. Jispjega kif fi żmien ir-Referendum tal-Unjoni Ewropea, hu kien għadu tarbija.

Fakkar li hu ġej minn familja Nazzjonalista u involuta fil-politika u għalhekk, fi kliemu, ikun qed jigdeb jekk jgħid li dan ma affettwahx. “Imma mhux għalhekk biss. Naf li l-PN, tul l-istorja, ta’ kontribut enormi biex ġab pajjiżna ‘l quddiem. Il-PN ġabna mill-ġlied f’Tal-Barrani għal Brussell. Ara partit politiku, meta jaħdem sew, kemm jista’ jagħmel ġid. Il-PN ħadna minn kważi gwerra ċivili għall-pajjiż fl-Unjoni Ewropea,” insista l-politiku żagħżugħ. 

Iżda ma waqafx hawn. Insista li jinsab ċert li l-PN fadallu jagħmel aktar ġid lill-pajjiż. “Jien mhux qiegħed hawn għax nammira l-istorja tal-PN. Mhux qiegħed hawn qisni qiegħed f’mużew. Qiegħed hawn għax ċert li l-PN fadallu x’joffri,” kompla jisħaq.

Fakkar li anke l-Partit Laburista għadda minn żminijiet diffiċli u rnexxielu jirriġenera lilu nnifsu. “Il-PL tela’ fil-Gvern, għamel il-ġid u għamel il-ħażin ukoll. Taqbel ma taqbilx it-tajjeb trid tgħidlu tajjeb, imma għamel il-ħażin ukoll u aħna rridu naraw kif nistgħu ntejbu u nagħtu futur aħjar.”

‘Jekk nieqfu mal-esperjenza biss insiru biss mużew’

L-ILLUM tistaqsih jekk il-PN għadux attraenti għaż-żgħażagħ. Tħares lejn il-PL tarah mimli żgħażagħ. Biss biss insemmu d-Deputat Mexxej il-ġdid għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef u anke diversi membri tal-kabinett. Mill-banda l-oħra, il-PN għamel riforma b’Louis Galea, poġġa bħala Segretarju Ġenerali lil Francis Zammit Dimech u lil Censu Galea bħala President tal-Kunsill Ġenerali. Għaliex qiesu qed iħares lura flok ‘il quddiem?

“Għalhekk jien qiegħed hawn. Qiegħed hawn biex inbiddel dik,” insista waqt li tenna li l-partit xorta waħda għandu bżonn nies ta’ esperjenza. “Imma jekk nieqfu mal-esperjenza biss insiru biss mużew. Irridu l-enerġija, il-ħeġġa, l-innovazzjoni. Jien għalhekk qiegħed hawn. Jien kuljum niġri wara ż-żgħażagħ u nitkellem magħhom.”

L-ILLUM tistaqsih jekk jaħsibx li qed jaqdef fil-vojt iżda hu jisħaq li jirbaħ min jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, irid li jkollu kuxjenza safja li jkun għamel dak kollu li seta’ jagħmel. “Jekk nirbħu tajjeb. Jekk le, ngħid li jiena dmiri għamiltu ma’ dak il-partit li nibqa’ nemmen li jista’ joffri futur aħjar,” insista ż-żagħżugħ.

‘Dawn l-intriċċi jsewdulek qalbek u jumiljawk’

Tkellimna dwar il-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia, riżultat ta’ sitwazzjoni li kienet ilha ġejja u li fl-aħħar splodiet. Meta jara hekk, hu li għadu żagħżugħ, ma jaqtax qalbu? Ma jitlifx il-fiduċja fil-politika?

“Fi grupp, il-bnedmin mhux dejjem jaqblu. Jiena nemmen li dawn huma affarijiet li wieħed irid jerfa’ l-piż tagħhom meta jkun irid iservi partit u l-pajjiż ... Jekk mhux se tippersisti mhux se tasal. Jekk tieqaf żgur li mhux se tasal. Jekk tippersisti tista’ tasal,” insista De Martino.

Madanakollu ammetta li dawn mhux żminijiet sbieħ. “Ovvjament dawn l-intriċċi jsewdulek qalbek, iweġġgħuk u jumiljawk man-nies. Meta n-nies ikunu jafu li inti Nazzjonalist u li tkun ħafna d-Dar Ċentrali, aktar jumiljawk speċjalment wara dak li ġara din il-ġimgħa. Qalbek tinqasam tara dawn l-affarijiet imma dak huwa parti mill-prezz li trid tħallas jekk sinċeriment temmen li kapaċi toffri xi ħaġa għall-pajjiż,” kompla jisħaq.

Kien hawn li insista li biex dan iseħħ, biex il-Partit joffri xi ħaġa aħjar għall-pajjiż, irid ikun hemm kulħadd jaħdem fuq l-istess linja għax jekk le, fi kliemu, inutli jkollok l-aqwa nies.

Mhux inkwetanti li anke ż-żgħażagħ fil-PN mifruda?

Hawn l-ILLUM twaqqfu u tfakkru li fil-PN lanqas iż-żewġ fergħat taż-żgħażagħ ma jimxu fuq l-istess linja. L-MŻPN ma għandux fiduċja f’Delia filwaqt li Team Start jiddefendu l-Kap. Dan jawgura tajjeb għall-futur tal-PN?

De Martino beda billi fakkar f’dak li żvela s-sit illum.com.mt, jiġifieri li l-istqarrija tal-MŻPN, li talbet għar-riżenja ta’ Delia, ma kinitx ġiet approvata mill-eżekuttiv tal-istess fergħa taż-żgħażagħ. Fi kliem De Martino, huwa ironiku li stqarrija li tippriedka fuq id-demokrazija u l-istqarrija nnifisha hija anti-demokratika.

Kompla jisħaq li ż-żewġ fergħat jaħdmu ma’ faxex differenti ta’ żgħażagħ u għalhekk anke jekk jaħdmu flimkien, ma jagħmilx sens li jkunu ħaġa waħda.

“Il-problema hija li għandek fergħa li għandha fehma dwar il-Kap u fergħa oħra li l-fehma tagħha hija differenti. Imma ma hemmx żewġ fergħat minħabba l-kwistjoni tal-Kap. Saru biex ikun hemm rappreżentanza aktar wiesgħa ta’ żgħażagħ. Bħala Team Start nagħmlu li nistgħu biex ikollna relazzjoni tajba mal-MŻPN. Għal dan is-sajf kellna proġetti li kellna naħdmu flimkien dwarhom. Ma niddejjaqx naħdem magħhom sakemm naħdmu flimkien għall-ġid tal-Partit,” insista.

‘Vot ta’ 19-il persuna ma jistax iġib null il-vot tat-tesserati’

De Martino jidher ħafna ma’ Delia, iżda wara l-aħħar żviluppi, verament jaħseb li hu għaqli li Delia jibqa’ l-Kap tal-PN? Beda jfaħħar id-determinazzjoni ta’ Delia għax fi kliemu, fil-mumenti meta ta’ madwaru jkunu qatgħu qalbhom, partikolarment meta wieħed iqis l-ostakli li sab ma’ wiċċu f’dawn it-tliet snin, l-enerġija tiegħu hija “inkredibbli.”

Dawn huma karatteristiċi, kompla jispjega, li jrid ikollu kull kap tal-partit u kull Prim Ministru. Ma tistax tieqaf mal-ewwel mewġa. Saħaq li Delia wera li kapaċi jegħleb l-ostakli u jibqa’ għaddej b’aktar determinazzjoni,” insista. 

“Is-sitwazzjoni li ninsabu fiha hija miskina. Iddejjaq lin-Nazzjonalisti ġenwini,” saħaq De Martino. Fakkar li bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Delia tilef l-appoġġ tad-Deputati iżda insista li bħala Kap tal-PN, Delia għandu l-appoġġ tal-maġġoranza tat-tesserati. “Kif nistgħu nippriedkaw id-demokrazija u politika li tirrispetta l-opinjonijiet tan-nies u mbagħad vot ta’ 19-il persuna iġib null il-vot ta’ eluf ta’ tesserati u kunsilliera.”

Kien hawn li De Martino insista li l-fattur komuni f’dawn il-problemi huma d-Deputati li ma jridux jaħdmu ma’ Delia.

‘...nukleu li jrid jiddetta dak kollu li jridu l-partitarji u l-kunsilliera’

“X’jiġri jekk nagħmlu Kap ġdid tal-PN u d-Deputati jibqgħu ma jaċċettawhx? Se nibqgħu neleġġu Kap ġdid sakemm dawn jaċċettawh? Dawn 19-il ruħ li ħafna minnhom ilhom hawn żmien twil. Aħna qed nippruvaw inġeddu l-partit ... u hijacked minn erba’ min-nies li jaħsbu li għandhom xi jedd speċjali fuq il-Partit,” saħaq b’passjoni. “Jien irrid naħdem ma’ kulħadd. Inkluż ma’ dawn id-Deputati. Aktar ma jkolli nies miegħi, aktar għandi voti. Aħna rriduhom magħna. Imma ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk, b’nukleu li jiddetta dak kollu li l-partitarji u l-kunsilliera jridu.”

Kompla jisħaq li l-argument ta’ min jgħid li Delia ma kiseb xejn għall-PN fl-aħħar tliet snin ma jagħmilx sens għax fi kliemu dan beda “bil-gambetti,” minn qabel sar Kap. 

“Gambetta wara l-oħra fit-tellieqa u nneħħuk għax tlift flok inneħħu lil min qed jagħmel il-gambetti,” insista De Martino. “Mill-esperjenza naf li Delia kemm-il darba ressaq l-id tal-ħbiberija u dawn ma aċċettawx.”

Insista li partit ikun sinjur meta jkollu ideat u opinjonijet differenti għax hekk ifisser li qed jirrappreżenta nies differenti. Madanakollu saħaq li ma jistax ikun li ftit nies jibqgħu jiddettaw huma x’jiġri. “Aħna daħħalna d-demokrazija u issa se nkunu aħna li nimminawha,” insista De Martino.

‘Riedu jtajruh mill-bidu nett...’

Iżda l-ILLUM tinsisti miegħu li għall-pajjiż u l-partit din mhijiex sitwazzjoni feliċi. F’dan l-istadju, Delia, mhux aħjar iwarrab għal ġid ta’ kulħadd? “Delia qatt ma tħalla jaħdem. Mill-ewwel ġurnata beda bit-tfixkil,” tenna De Martino waqt li insista li l-allegati chats ma’ Yorgen Fenech mhumiex ir-raġuni vera għaliex iridu jtajru lil Delia. “Riedu jtajruh mill-bidu nett, minn qabel sar Kap ... daqqa minħabba problemi familjari, daqqa għax ħareġ sondaġġ, daqqa għax tlifna l-elezzjoni u  issa sibna skuża oħra.”

Jaħseb li Delia għandu jitlob mill-ġdid il-fiduċja tat-tesserati? De Martino ma jaqbilx. “Kemm se ndumu sejrin hekk? Is-sajf li għadda morna għall-vot tal-kunsilliera ... fl-2017 ivvutawlu madwar 53% tal-kunsilliera u s-sena l-oħra vvutawlu 67%. Dan wara telfa elettorali. In-nies jafu li dan qatt ma ngħata ċans. Kif nistgħu ngħidu li aħna għandna l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna u mbagħad għax ġie bniedem ġdid naħarquh.”

Riedu jtajruh mill-bidu nett, minn qabel sar Kap ... daqqa minħabba problemi familjari, daqqa għax ħareġ sondaġġ, daqqa għax tlifna l-elezzjoni u issa sibna skuża oħra Thomas De Martino

Ħiereġ għall-elezzjoni?

Ħallejna l-Partit Nazzjonalista u erġajna tkellimna fuq Thomas u l-ambizzjonijiet tiegħu. Fejn jarah jasal fil-politika? Irid ikun fil-Parlament, fil-Parlament Ewropew, jew jibqa’ jaħdem fil-Partit biss?

“MEP żgur li le. Jiena ma nimmaġinax lili nnifsi ngħix barra minn Malta,” wieġeb minnufih. “Ma nħarisx lejn karigi. Inservi biss fejn nara li n-nies jixtiquni nservi. Jekk in-nies iridu nasal sal-Parlament, jew għal xi kariga fil-PN, imbagħad nikkunsidra.”

L-ILLUM staqsietu jekk jixtieqx jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. “Kieku jdendluni tal-familja. Jiena għadni student. It-tentazzjoni hija kbira ħafna imma rrid niffoka fuq l-istudji tiegħi u anke għax nemmen li għandi ħafna kontribut x’nagħti fil-PN, mingħajr ma nkun kandidat,” temm jgħid De Martino. 

More in Politika