Delia Kap tal-Partit Nazzjonalista: Tliet snin ta’ turbolenzi

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn id-daqqiet kollha li Delia qala' fuq rasu fl-aħħar tliet snin kemm ilu jmexxi lill-Partit Nazzjonalista

Adrian Delia sar Kap tal-Partit Nazzjonalista bejn wieħed u ieħor tliet snin ilu, tliet snin li fihom ftit li xejn kellu ħajja faċli. Kull meta Delia kien se jibda jieħu xi ftit jew wisq ir-ruħ, anke bis-saħħa ta’ kisbiet jew inkella azzjonijiet li ħa, dejjem sab immedjatament ma’ wiċċu ostakli u anke grupp parlamentari li qatt ma ngħaqad warajh u spiċċa biex sfiduċjah. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dawk li qed issejħilhom it-turbolenzi ta’ Delia.

Daphne Caruana Galizia, Delia, Soho u n-nies ta’ madwaru

L-ewwel turbolenza għal Delia ġiet fuqu meta kien għadu kandidat fl-elezzjoni biex jintagħżel bħala Kap tal-Partit. Kien fl-eqqel tal-kampanja meta Daphne Caruana Galizia ppubblikat storja u fiha spjegat kif madwar £1 miljun fi flus mill-prostituzzjoni f’Soho, Londra, kienu għaddew mill-kont ta’ Adrian Delia f’kont tal-Bank f’Barclays f’Jersey. 

Delia dejjem ċaħad li kien involut f’xi attività kriminali u insista li hu kien biss l-avukat tal-klijenti inkwistjoni, jiġifieri l-aħwa Bajada, fosthom Eucharist Bajada li ibnu kien miżżewweġ ma’ oħt Simon Busuttil. Skont Daphne, Delia għandu jew kellu sehem f’kumpanija li s-sid tagħha huwa l-istess Bajada u li dan kellu/għandu appartament li allegatament jintuża għall-prostituzzjoni. Il-flus li kienu jinġabru kienu jgħaddu fil-kont f’Jersey u minn hemm għal kontijiet oħra.

Hawn ta’ min wieħed isemmi d-diskors isteriku ta’ Delia, fejn kien iddeskriva lil Daphne bħala “biċċa blogger,” frażi li nstabtet ma’ wiċċu mill-ġdid meta Caruana Galizia nqatlet.

Dawn l-allegazzjonijiet tista’ tgħid li bdew it-triq imħarbta ta’ Delia. Fl-eqqel tal-kampanja tlaqqa’ l-Kumitat tal-Etika u wara laqgħa tal-Kunsill Amministrativ tal-PN, il-Kap uxxenti Simon Busuttil, appella lil Adrian Delia biex jirrikonsidra mill-ġdid il-kandidatura tiegħu.

Caruana Galizia kienet ukoll kitbet diversi artikli dwar persuni li ta’ sikwit kienu jkunu ma’ Delia, bil-ġurnalista tiddeskrivi wħud minnhom bħala “kriminali.”

Adrian Delia jsir Kap tal-Partit ... imma d-distakk ikun żgħir wisq

Delia rnexxielu jegħleb l-ostakli kbar li sab ma’ wiċċu fl-eqqel tal-kampanja u sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Minkejja dan, id-distakk bejn Adrian Delia u Chris Said ma kienx wieħed kbir u dan wera biċ-ċar kemm il-PN kien maqsum dwar il-Kap il-ġdid tiegħu, qasma li baqgħet tinħass sal-ġurnata tal-lum. Delia ftit li xejn irnexxielu jikkonvinċi lil min ma ridux biex jingħaqad warajh u l-emoraġija minn din il-ferita li ġabet magħha l-ewwel elezzjoni fost it-tesserati, baqgħet ma fiqitx sal-lum.

Delia kien kiseb 7,734 vot, filwaqt li Said 6,932 vot, jiġifieri differenza ta’ 802 voti.

Din il-qasma dehret ċara fl-ewwel Mass Meeting tal-Indipendenza, jiem biss wara l-elezzjoni tal-Kap. Delia ma rnexxilux jimla kwart tal-Fosos tal-Furjana u diversi Deputati ma marrux.

Adrian Delia u l-ħlas tat-taxxa

Malli sar Kap, fost l-ewwel turbolenzi li sab ma’ wiċċu, kien hemm dik dwar it-taxxi mhux imħallsa.

Meta kien għadu kandidat, Delia kien ippubblika r-rapport awditjat dwar il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu, liema rapport kien jispjega kif kellu jħallas b’lura €51,924 f’taxxi u €34,859 f’interessi.

Kien f’Mejju tal-2018 meta l-Kap Nazzjonalista kien għalaq din il-kwistjoni. Delia kien spjega kif ħallas kollox billi biegħ l-ishma li kellu f’diversi kumpaniji legali u anke proprjetà fis-Siġġiewi.

Sa dakinhar, il-Partit Laburista kien qed jinsinwa li Delia kien qed juża flus li jkunu nġabru waqt maratoni biex iħallas it-taxxi li kellu jagħti u dan fi żmien meta kulħadd jaf li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN ma hi xejn feliċi.

Tinqatel Daphne ... dik li Delia sejħilha ‘biċċa blogger’

16 ta’ Ottubru 2017. Tinqatel Daphne Caruana Galizia. Immedjatament il-PN isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet, b’Adrian Delia minnufih jiddikjara dan l-assassinju bħala “qtil politiku.”

Delia kkritika lill-Gvern li b’għemilu u bl-attakki tiegħu fil-konfront ta’ Caruana Galizia ħoloq klima ta’ ostilità kontra l-ġurnalista. Iżda Delia kemm seta’ jkun kredibbli meta jitkellem hekk? 

Ma’ wiċċu, Adrian Delia reġa’ sab il-famuża frażi “biċċa blogger.” Waqqa’ l-libelli li kien fetaħ kontriha, b’rispett lejn il-vittma u l-familja tagħha iżda kien hemm min saħaq li Delia sab ix-xoqqa f’moxtha għax kien jaf li se jitlifhom. 

Soho mill-ġdid għal wiċċ Delia ... rapport tal-FIAU jgħaddu għand il-Pulizija

F’Diċembru tal-2018, l-allegazzjonijiet li Caruana Galizia kienet għamlet kontra Delia reġgħu telgħu fil-wiċċ bħal donnhom biex ifakkru lil Delia li ma jistax joqgħod kwiet.

Kienet The Sunday Times of Malta li żvelat kif Delia jinsab taħt skrutinju hekk kif l-allegati rabtiet ma’ ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho qed ikunu investigati bħala parti minn investigazzjoni fuq ħasil ta’ flus. Fil-fatt, rapport tal-FIAU kien għadda għand il-Pulizija f’Marzu tal-2018.

Dak iż-żmien, Delia kien saħaq li ma kellux idea dwar dan għax qatt ma ntalab imur id-Depot biex ikun mistoqsi. Sa ftit tal-jiem ilu, Adrian Delia tenna li sa issa qatt ma ġie interrogat dwar dan. 

Delia jitlef ukoll il-martu ... aktar problemi finanzjarji? 

Anke jekk ma għandhiex x’taqsam mal-politika, is-separazzjoni ta’ Delia minn mal-eks mara tiegħu Nickie Vella de Fremeaux tatu daqqa oħra aktar u aktar għax fil-proċess, fuq il-midja soċjali, bdew iduru filmati, meħuda fid-dar tal-familja u li fihom jidher jirrabja ma’ waħda mit-tfal tiegħu.

Vella de Fremeaux kienet għamlet protest ġudizzjarju kontra Delia fejn akkużatu li falla milli jħallas żewġ pagamenti tal-loan fuq id-dar tagħhom, akkużi li reġgħu tefgħu l-attenzjoni fuq il-qagħda finanzjarja tal-Kap Nazzjonalista. 

Skont il-protest, Delia kien għadu ma ħallasx €7,500. Apparti dawn, skont rapporti, Delia kien qabeż żewġ pagamenti f’żewġ karti ta’ kreditu u li kienu jinsabu €25,000 minn taħt. Kellu wkoll iħallas b’lura €19,000 f’kontijiet tad-dawl u l-ilma.

F’kummenti mal-illum.com.mt Delia kien iddeskriva dawn l-allegazzjonijiet, ippubblikati fuq il-blogg ta’ Manuel Delia, bħala gidba.

Ħasla tajba mingħand oħt Daphne

Ħafna jiftakru wkoll il-ħasla li Delia qala’ mingħand oħt Daphne Caruana Galizia meta dan mar il-Belt, quddiem il-monument tal-Assedju biex ipoġġi bukkett fjuri fit-tieni anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista.

Delia kien akkumpanjat minn diversi esponenti tal-PN, meta oħt Daphne, li inzertat kienet qed tirranġa l-mafkar, waqfitu waqt li għajret lilu u lil dawk li kienu miegħu bħala "qabda ħallelin."

Din ħarġet fil-beraħ kemm dawk li ma għandhomx fiduċja fil-Partit Laburista, anke wara każi ta’ korruzzjoni li ħarġu fil-beraħ, mhux neċessarjament jaraw alternattiva fil-Partit Nazzjonalista u fil-Kap tiegħu. 

Mhux l-ewwel darba li waqt il-manifestazzjonijiet organizzati minn Repubblika u Occupy Justice, Delia kien ikkritikat fil-miftuħ u dan meta f’nofshom ikun hemm iċapċpu Deputati Nazzjonalisti.

Inkjesta Egrant u Simon Busuttil

Waħda mill-akbar turbolenzi li heżżu lil Adrian Delia, kien ir-rapport tal-inkjesta Egrant li ma kien sab l-ebda prova li din il-kumpanija misterjuża kienet b’xi mod marbuta ma’ Joseph Muscat, martu jew familtu.

Fit-22 ta’ Lulju, dakinhar li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tar-rapport, Adrian Delia kien talab lill-preduċessur tiegħu, Simon Busuttil, biex jirriżenja mill-Grupp Parlamentari Laburista u dan għax fil-kampanja elettorali tal-2017, Busuttil kien għamel tiegħu dawn l-allegazzjonijiet.

Delia kien neħħa lil Busuttil mis-shadow cabinet.

Busuttil kien irrifjuta li jirriżenja u warajh kien hemm għadd ta’ Deputati Nazzjonalisti li ntefgħu fuq Facebook jiktbu: #notinmyname.

Delia kien għamel U-Turn kbira. Mhux talli ma baqax isejjaħ għar-riżenja ta’ Busuttil talli f’salt beda l-ġlieda kontra l-Avukat Ġenerali biex ikun ippubblikat ir-rapport sħiħ tal-inkjesta, ġlieda li rebaħ.

Minkejja dan, anke jekk uħud mid-Deputati kienu warajh f’din il-kawża u f’kawżi oħra li Delia ħa quddiem il-Qorti bħal dik tal-VGH, ma kull opportunità li sabu dawn dahru kontra l-Kap tagħhom stess.

Telfa elettorali kbira fl-elezzjonijiet tal-MEPs

Daqqa kbira oħra għal Delia kienet it-telfa li l-PN ġarrab fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019. Il-PN tilef l-elezzjoni b’distakk ta’ 42,656 vot. 

Mhux hekk biss. Ħadd mill-kandidati favoriti u li dejjem appoġġjaw lil Adrian Delia ma ġew eletti. Iż-żewġ siġġijiet li tella’ l-Partit Nazzjonalista mtlew minn Roberta Metsola u David Casa.

Dan biex ma nsemmux il-kunsilli lokali li tilef.

Għal darb’oħra, Delia beda jiffaċja tabiet biex jirriżenja jew inkella jitlob vot ta’ fiduċja, iżda hu rrifjuta u saħaq li t-tesserati għażlu lilu sal-elezzjoni ġenerali.

Minkejja li t-tmexxija ma riditx terfa’ r-responsabbilità għal din it-telfa, kien irriżenja Mark Anthony Sammut minn President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN

Jinġabru l-firem ... Delia sfurzat imur għal vot ta’ fiduċja

Wara li Delia rrifjuta li jsejjaħ vot ta’ fiduċja fih innifsu, wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, grupp ta’ membri tal-PN, immexxija minn Ivan Bartolo u Mark Anthony Sammut (fost oħrajn) ġabru l-firem biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali u jittieħed vot dwar Delia.

920 kunsillier kienu vvotaw favur li Delia jibqa’ Kap Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. 438 vvotaw kontra. Dan ifisser li Delia kiseb l-appoġġ ta’ 67% tal-kunsilliera.

Minkejja din ir-rebħa għal Delia, dan kompla joħroġ fil-beraħ il-qasma fil-PN, bil-vot ma jsolvi xejn.

Sondaġġ wara l-ieħor jaqtgħu nifs Delia

Is-sondaġġi qatt ma kienu ħbieb ta’ Adrian Delia. Sondaġġ wara l-ieħor taw daqqa lill-Kap Nazzjonalista u mhux biss urew li l-Partit Nazzjonalista ma għamel l-ebda avvanzi anke fi żmien kriżi politika fil-pajjiż, iżda saħanistra urew kemm l-elettorat Malti ma jafdax lil Delia nnifsu, kważi kważi ma jridx jaf bih.

L-aħħar sondaġġ, fil-fatt wera li Bernard Grech huwa l-favorit biex jieħu post Adrian Delia. B’14% Grech qiegħed fuq quddiem u warajh, bi 11% hemm Joe Giglio. Skont l-istess sondaġġ, 9% jemmnu li Roberta Metsola tista’ tkun l-aqwa Kap tal-PN. 7% biss iridu li jibqa’ Delia. 

Mhux l-ewwel darba li wara xi sondaġġ tlaqqa’ l-Grupp Parlamentari biex jiddiskuti t-triq ‘il quddiem għat-tmexxija ta’ Delia. L-aktar waħda fil-beraħ kienet dik ta’ Frar li għadda, bid-Deputat Jason Azzopardi jakkuża pubblikament lil Delia li ttradixxa lill-Grupp Parlamentari meta wara l-laqgħa ddikkjara mal-midja li se jieħu l-partit sal-elezzjoni ġenerali.

Total ta’ 17-il Deputat, imlaqqma ’17 Blue Heroes’ kienu talbu lil Delia jirriżenja.

Aktar riżenji fil-Partit Nazzjonalista

Anke jekk Delia, minkejja s-sondaġġi żamm iċ-ċwievet tal-uffiċċju tal-Kap, Clyde Puli kien irriżenja minn Segretarju Ġenerali u Robert Arrigo minn Viċi Kap (anke jekk wara biddel fehmtu).

Iż-żewġ persuni, meqjusa sostenituri ta’ Delia, kienu kkritikaw pubblikament lil dawk fil-Partit li qatt ma aċċettaw lil Delia. It-tnejn li huma kienu faħħru l-ħidma ta’ Delia iżda fl-istess ħin, bir-riżenja tagħhom, kienu żiedu l-pressjoni fuq il-Kap stess li baqa’ ma rriżenjax.

17 Black u Yorgen Fenech... daqqa kbira għal Adrian Delia

L-akbar daqqa għal Adrian Delia bla dubju ta’ xejn hija marbuta mal-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech li huwa wkoll is-sid tal-kumpanija 17 Black.

L-ewwel gambetta għal Delia seħħet meta ġie żvelat li Kristy Debono u Hermann Schiavone, żewġ Deputati li dejjem ħadmu favur Delia, kellhom laqgħa ma’ Fenech u dan meta kien magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black. Il-laqgħa kienet dwar “sponsorship” għal konferenza li kellu jorganizza l-PN.

It-tieni daqqa ħarġet mix-xhieda ta’ Melvin Theuma u aktar tard ta’ Keith Schembri meta fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech kien allegat li Adrian Delia ġieli mar jiekol għand Fenech u kien talbu €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta’ David Casa. Delia ċaħad dan b’affidavit iżda dwar din l-allegazzjoni għaddejja inkjesta maġisterjali.

L-aħħar turbolenza għal Delia feġġet meta bħal-lum ġimgħa ġew żvelati chats bejn Yorgen Fenech u Delia, fejn fost oħrajn, b’ċertu kunfidenza, Yorgen Fenech jistieden lil Delia biex “isajru” xi ħaġa. Delia jwieġbu li se jgħid lil Pierre (Portelli) biex jorganizza laqgħa. Iċ-chat iġġib id-data 19 ta’ Marzu 2019, meta kien magħruf li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black.

Delia ċaħad li b’xi mod waqa’ għall-pressjoni ta’ Fenech u anke jekk b’mod indirett issuġġerixxa li dawn kienu ffabrikati.

Ma rnexxilux jikkonvinċi lid-Deputati. Sfiduċjawh u llum ma għadux Kap tal-Oppożizzjoni.

More in Politika