Ġurnata ta' laqgħat bejn il-President u Deputati tal-PN ... ħadd ma jrid iċedi pulzier

Deputati kontra Adrian Delia jiċħdu illi kien hemm min fosthom illi reġa' qed jappoġġja lil Delia ... Marlene u Godfrey Farrugia jitkellmu mal-President ukoll

Il-President tar-Repubblika George Vella
Il-President tar-Repubblika George Vella

Illum ikomplu serje ta' laqgħat bejn il-President tar-Repubblika George Vella u Deputati tal-Partit Nazzjonalista biex ikun determinat jekk Adrian Delia għandux l-appoġġ tal-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti fil-Parlament.  Fl-istess ħin hemm diskussjonijiet dwar x'se tkun it-triq 'il quddiem b'uħud jgħidu illi l-Kostituzzjoni tgħid li hija l-persuna bl-akbar appoġġ ta' Deputati tal-Oppożizzjoni li jkun Kap tal-Oppożizzjoni u oħrajn jirrimarkaw illi l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ikun il-Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni, li sa issa u sal-lum għadu l-Partit Nazzjonalista.

Din il-kriżi politika li belgħet lill-Partit Nazzjonalista hija unika u bla preċedent.  Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit qalu illi ħadd sa issa mhu qed iċedi u sejħu "gideb totali" li xi Deputati reġgħu qed iduru għal Delia - la dawk li kienu dejjem kontra Delia u lanqas dawk li fil-passat kienu leali lejh. 

"Ħadd ma jrid iċedi pulzier" qal sors ieħor li saħaq illi dan in-nuqqqs ta' żblokk jista' jwassal biex il-PN jinqasam, xi ħaġa li ż-żewġ naħat jixtiequ li akkost ta' kollox jevitaw. 

Il-President tar-Repubblika għamel kuntatt ukoll mad-Deputati Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia, li huwa mifhum illi esprimew sfiduċja f'Adrian Delia u fiduċja f'Therese Comodini Cachia. 

More in Politika