Delia jisħaq li sakemm ipoġġu man-naħa tal-PN id-Deputati jridu jifhmu li hu l-Kap tal-Oppożizzjoni

Dwar in-nomina ta' Therese Comodini Cachia, Delia insista li dan mhux minnu li hu l-Kap tal-Oppożizzjoni għax hu l-kap tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-President tar-Repubblika se jkun qed jivverifika huwiex minnu jew is-sbatax-il deputat li sal-lum ippoġġu man-naħa tal-Partit Nazzjonalista humiex se jibqgħu jagħmlu dan, għax fi kliemu, jekk se jibqgħu jpoġġu fil-Parlament f’isem il-PN, iridu jifhmu li hu huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Delia qal dan waqt messaġġ fuq l-istazzjon nazzjonali fejn ikkonferma li kellu laqgħa mal-President wara li d-Deputati Chris Said u Claudette Buttigieg infurmawh li hu ma jgawdix il-fiduċja tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari.

Fil-fatt, il-President irid irid jibda l-proċess li jsejjaħ lid-deputati kollha illi jiffurmaw parti mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista sabiex isaqsihom hux minnu jew le dak li ġie mistqarr lilu

“Jien tkellimt miegħu u fhemtu li bħala Kap tal-PN jien kont iddeċidejt li l-mandat li t-tesserati tal-PN tawni, se nwettqu sal-aħħar. Għidt ukoll li l-istatut tal-PN jipprovdi li huwa l-kap tal-PN li għandu jkun l-Kap tal-Oppożizzjoni meta l-partit ikun fl-oppożizzjoni u l-Prim Ministru meta l-partit ikun fil-gvern,” insista Delia.

“Għamilt referenza għal dak li tgħid il-kostituzzjoni tagħna, l-Artiklu 90 Sub-Artiklu 2(a) illi jgħid speċifikament li għandu jkun l-kap tal-partit tal-akbar grupp fl-oppożizzjoni illi jkun l-Kap tal-Oppożizzjoni. Saret referenza wkoll għal artiklu ieħor tal-kostituzzjoni, l-artiklu 90 Sub-Artiklu 4 illi jgħid però li jekk l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jibqax igawdi l-fiduċja, jista’ jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni. F’din l-istanza, il-President imbgħad ikollu jirrikorri jerġa’ għal Artiklu 90 Sub-Artiklu 2 u li għandu jkun l-Kap tal-Partit li jkun l-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan ifisser illi filwaqt jitnieda l-proċess biex l-President jivverifika, huwiex minnu jew le li hemm sbatax-il deputat li sal-lum ippoġġu man-naħa tal-Partit Nazzjonalista humiex se jkomplu fil-bankijiet tal-oppożizzjoni f’isem il-PN u allura għandhomx l-fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni,” insista Delia.

Iddeskriva dan il-mument bħala partikolari u diffiċli u insista li r-responsabbiltà ta’ kull wieħed minn dawn id-deputati hija ċara ħafna.

“Jien id-deċiżjonijiet tiegħi ħadthom, kien hemm aħbarijiet fil-media li diġa kien hemm Kap tal-Oppożizzjoni ġdid u ssemiet l-Onor. Therese Comodini Cachia li minn hawn insellmilha. Dan m’huwiex minnu però u l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa Adrian Delia għax jiena bqajt l-kap tal-Partit Nazzjonalista,” insista Delia.

Tenna li mhux se jkun qed jabbanduna lill-Partit Nazzjonalista u li mhux se jitradixxi lit-tesserati li tawh mandat ta’ ħames snin.

Talab lill-kulħadd biex ikun wara l-PN fil-ġlieda tiegħu għal dawk li huma dgħajfa, il-ġlieda għal dawk li huma żgħar, il-ġlieda għall-ħaddiema li m’għandhomx xogħol, għall-pensjonanti bi tbatijiet, għal dawk li l-gvern mhux joffrilhom m’għandhomx alternattivi.

“Dan huwa l-mument li suppost qed naħdmu flimkien, bħalissa huwa l-mument fejn suppost qegħdin ningħaqdu fil-ġlieda biex inġibu l-isptarijiet tagħna. Kulħadd jagħmel l-għazliet tiegħu, hemm il-ftit li jagħżlu li jfixklu imma jien konvint illi n-Nazzjonalisti veru se jibqgħu wara l-partit tagħna,” insista Delia. “Konvint li aktar nies qed jibqgħu jaraw fil-PN it-tama għal pajjiżna. Konvint li d-determinazzjoni tagħna illi nagħmlu t-tajjeb għal pajjiżna, tista’ biss tissaħħaħ.”

Insista li dan mhux il-mument  ta’ battibekki interni, jew li nkunu avversarji ta’ xulxin.

“L-avversarju tagħna hija l-kriminalità li ħakmet lill-gvern. Dan mhux il-mument tal-PN, dan huwa l-mument tal-Maltin kollha. Agħmlu dak li il-kuxjenza tagħkom temmnu li ħa jwassal biex pajjiżna jitmexxa aħjar; għax ilkoll jixirqilna Malta aħjar,” insista Delia.

More in Politika